Kultura Lokali

‘Teżori taħt in-Navi’ – dokumentarju ġdid fuq Net Television

Minn nhar il-Ħadd 9 t’April, se tibda tixxandar fuq Net Television sensiela ġdida ta’ dokumentarji dwar it-teżori li jinsabu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Id-dokumentarji, ippreżentati minn Valerie Vella, jiffukaw fuq diversi aspetti, fosthom l-artifatti miżmuma f’din il-knisja, kurżitajiet dwar il-ħajja tal-artisti li ħadmu hawn, ir-restawr u l-proġetti għaddejja bħalissa mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral u ħarsa lejn it-trasformazzjoni li għadda minnha l-Konkatidral matul is-snin.

L-ewwel episodju jagħti ħarsa lejn l-isfond storiku li fih beda jinbena l-Konkatidral u d-deċiżjonijiet strutturali li ttieħdu minn Ġlormu Cassar li ddisinja l-pjanta. Naraw kif it-titlu tal-knisja nbidel minn Knisja Konventwali għal Konkatidral bil-miġja tal-Franċiżi, u kif dan it-tempju għadda għand amministraturi differenti sakemm illum qed jitmexxa mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

L-episodji ta’ wara mbagħad, jiffukaw fuq l-arti, fil-forom kollha tagħha, li wieħed jista’ jgawdi meta jżur il-Konkatidral. Ma tistax tonqos analiżi tal-istili u ċ-ċirkostanzi li ħadmu fihom l-artisti kbar Taljani Michelangelo Merisi da Caravaggio u Mattia Preti, li elevaw il-preġju tal-knisja bix-xogħolijiet uniċi tagħhom. F’wieħed mill-episodji nsegwu l-passi ta’ Caravaggio fl-aħħar jiem tiegħu f’Malta billi nżuru wkoll il-ħabs f’Sant’Anġlu fejn kien maqful, filwaqt li fil-MUŻA nanalizzaw xogħolijiet oħra ta’ Mattia Preti li jitfgħu dawl fuq il-ħajja u x-xewqat ta’ dan l-artist.

Apparti l-kapolavuri tal-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann, San Ġlormu u l-pittura monumentali tas-saqaf, imbagħad ngħaddu għal xogħolijiet artistiċi oħra anqas magħrufa, li però xorta waħda għandhom valur artistiku importanti. Fost dawn, insibu l-kwadri fil-kappelli tal-lingwi fil-ġnub, uħud minnhom ukoll ta’ Mattia Preti, l-iskultura fl-irħam tal-Magħmudija ta’ Kristu, ix-xogħol fuq l-artal maġġur, il-ħitan minquxa u ndurati bid-deheb, l-interzjar fl-oqbra tal-irħam li jiksu l-art, kurċifiss medjevali ta’ Polidoro da Caravaggio, u l-pitturi li jiddekoraw is-saqaf u l-ġnub tal-Oratorju.

Niskopru mbagħad x’relikwi huma miżmuma b’għożża f’dan il-katidral u nisimgħu l-istorja mqallba u inkredibbli marbuta mal-ikona tal-Madonna ta’ Filermos, li kienet meqjuma f’din il-knisja sakemm telqu l-Kavallieri minn Malta.

F’episodju ieħor ninżlu b’mod esklussiv fil-Kripta tal-Granmastri, fejn hemm is-sarkofagi tal-ewwel tnax-il Granmastru ta’ Malta, u naraw xi skoperta interessanti saret waqt ir-restawr ta’ din il-Kripta. F’opportunità unika oħra, inkunu nistgħu naraw fid-dettall is-sett uniku ta’ arazzi mogħtija mill-Granmastru Perellos, hekk kif dawn se jiġu mdendla fil-Konkatidral, issa li ġie fi tmiemu l-proċess ta’ restawr fuqhom li dam għaddej sittax-il sena.

Apparti dan kollu, niskopru wkoll l-istorja ta’ oġġetti uniċi oħra, fosthom il-qniepen, l-arloġġ, parti minn bastiment tal-kavallieri u ż-żewġ orgnijiet misjuba fil-Konkatidral.

Teżori taħt in-Navi jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fit-20:30 fuq Net Television. Net Television jixtieq jirringrazzja l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għall-kollaborazzjoni sħiħa biex setgħet tittella’ din is-sensiela ta’ dokumentarji.