Internazzjonali

Akkużi kriminali fil-konfront ta’ Donald Trump; iwieġeb mhux ħati

Donald Trump sar l-ewwel eks-President Amerikan fl-istorja li tressqulu l-akkużi kriminali formali. Il-proċess bħalissa għadu għaddej fil-bini tal-qorti ta’ Manhattan, fi  New York, u wara li Trump ma waqafx jilmenta talli spiċċa ‘vittma ta’ persekuzzjoni politika’.

Malli Trump daħal fil-bini tal-qorti, hu inżamm taħt arrest waqt li nqraw l-akkużi fil-konfront tiegħu u li skont il-proċess inbidlu minnufih f’akkużi pubbliċi.

Intant, sa minn ħafna qabel il-proċess, l-avukati għall-eks President Amerikan qalu li hu kellu jwieġeb ‘b’determinazzjoni’ li mhux ħati minn dawn l-akkużi.

Fl-istess ħin, kollox jindika li Trump se jingħata l-libertà mill-ġdid fuq garanzija personali u qabel hu jirritorna lejn ir-residenza tiegħu f’Mar-a-Lago, fi Florida — fejn mistenni li jindirizza lill-partitarji tiegħu tard matul il-lejl.

‘Jum traġika għar-Repubblika’

Fl-aħħar sigħat ukoll, Trump ma żammx lura milli jikkundanna l-proċess tal-qorti u lill-Imħallef Juan Manuel Merchan li qed jippresiedi l-każ kontra tiegħu. Dan waqt li anki fisser il-ġurnata bħala ‘waħda traġika għar-Repubblika (tal-Istati Uniti)’.

Il-każ kontra Trump hu relatat ma’ pagament ta’ flus li hu, snin ilu, kien ħallas lil Stormy Daniels, eks attriċi tal-films pornografiċi, biex hi tibqa’ siekta dwar relazzjoni li hu kellu magħha barra ż-żwieġ. Il-każ kien seħħ qabel Trump laħaq President tal-Istati Uniti u jekk jinstab ħati mill-akkużi dan ma jfissirx li hu ikun ipprojbit milli jikkuntesta mill-ġdid għall-White House. 

Is-sigħat qabel il-wasla ta’ Trump fil-qorti ta’ New York kienu movimentati u drammatiċi, waqt li nġabret folla kbira ta’ partitarji quddiem il-bini inkwistjoni f’Lower Manhattan.

Il-folla tmexxiet minn Marjorie Taylor Green, membru tal-Kungress Amerikan u sostenitur kbir ta’ Trump li, illum, qed titqies fost l-aktar personalitajiet influwenti fi ħdan il-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.

Ma setax jonqos, intant, li l-madwar tal-bini tal-qorti inżammet taħt sigurtà intensiva qabel u wara l-wasla ta’ Trump  —  fost preżenza kbira tal-pulizija u uffiċjali tas-servizzi sigrieti. Dan spikka l-aktar waqt li l-motorcade (magħmul minn għaxar karozzi) ta’ Donald Trump kien qed jivvjaġġa distanza ta’ għaxar kilometri minn Trump Tower (fi New York) sal-qorti magħrufa bħala l-Manhattan Criminal Courthouse.