Lokali Saħħa

Robert Abela jibqa’ jagħżel lill-kbir u jhedded liż-żgħir – PN

Ritratt: Matthew Tabone

Għax hu dgħajjef, Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi l-ħniżrijiet ta’ sħabu minflok ma jiddedika l-flus meħtieġa għall-infermieri u l-qwiebel. Fil-fatt, hu qed ikompli jiddefendi lill-kbir u jhedded liż-żgħir, bħalma fil-każ tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa.

Għall-Partit Nazzjonalista dan mhux aċċettabbli. Mhux aċċettabbli lanqas li Robert Abela u sħabu nesew l-isforzi li l-infermieri, il-qwiebel u l-professjonisti tas-saħħa għamlu matul il-pandemija u jrid jitqammel magħhom.

Dan sostnewh id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri, Ian Vassallo u Ivan Castillo fi stqarrija.

Robert Abela nesa ċ-ċapċip u l-kliem sabiħ li kien għamel għal dawn il-ħaddiema beżlin u issa qed jgħid biss li m’għandux flus għalihom, kif qal kontinwament lill-MUMN. Minflok ma jagħmel il-ħaġa t-tajba, Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil ta’ Steward, tant li għadu ma għamel xejn biex iġib lura l-400 miljun ewro li ngħataw.

Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu li l-ħaddiema kollha – fosthom l-infermieri, il-qwiebel u l-professjonisti mediċi – jkollhom l-aqwa kundizzjonijiet u riżorsi possibbli biex jagħtu l-aqwa servizz possibbli lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.