Żewġt irġiel Serbi li jiġu minn xulxin ġew mixlija b’rabta ma’ serq u bejgħ ta’ diversi mobiles fosthom iPhones. Veljko Mijailovic ta’ 39 sena u li jaħdem bħala Security Guard u Bratislav Marinkovic, 41 it-tnejn residenti San Pawl il-Baħar, tressqu l-Qorti separatament quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello l-Erbgħa filgħodu.
L-Ispetturi Joseph Mercieca u Shamus Woods qalu lill-Qorti kif il-Pulizija li qed tinvestiga serq ta’ kwantità ta’ iPhones minn ħanut tal-Imsida fit-28 ta’ Frar kienu nnotaw mobile simili għal wieħed mill-apparati misruqa li qed jiġi offrut għall-bejgħ online.
Il-Pulizija mexxew operazzjoni u ppreżentaw lilhom infushom bħala xerrejja potenzjali, u arrestaw lill-persuna li kienet qed tipprova tbigħ wieħed mill-mobile. Investigazzjonijiet ulterjuri wasslu lill-Pulizija biex jarrestaw lil ħu l-mara ta’ Marinkovic, Mijailovic.
Marinkovic, li kien l-ewwel tressaq il-Qorti, ammetta l-akkużi li mmaniġġa oġġetti misruqa u kien ikkundannat disa’ xhur ħabs, sospiżi għal 18-il xahar. L-Avukat Brandon Kirk Muscat tal-Għajnuna Legali rrappreżenta lil Marinkovic. Wara tressaq il-Qorti, Mijailovic, akkużat li fit-28 ta’ Frar daħal u seraq il-kunsinna ta’ mobiles minn ħanut fl-Imsida.
L-akkuża tas-serq tqieset ukoll bħala aggravata bil-valur. Hu kien mixli wkoll li kkawża ħsarat fil-ħanut. Mijailovic ġie akkużat ukoll li sgassa l-istess ħanut, ħamest ijiem qabel, u seraq dak li kien deskritt fil-Qorti bħala “ammont konsiderevoli” ta’ mobiles ta’ kwalità, li sussegwentement inbiegħu lil terzi.
Fuq mistoqsija tal-Qorti l-Ispettur Mercieca qal li l-mobiles kienu prattikament ġodda u li l-iPhones jiswew mill-inqas ma’ l-1,400 ewro. Hu spjega wkoll li fil-bidu l-Pulizija ma setgħetx issib lill-imputat li allegatament wettaq is-serq peress li ma kellux indirizz fiss.
L-imputat ukoll ma setax ifakkar fl-indirizz attwali tiegħu meta mistoqsi mid-deputat reġistratur fil-Qorti. Wara li Marinkovic ġie arrestat nhar il-Ħadd, huwa wassal lill-Pulizija lejn ir-residenza tal-akkużat, fejn sostna li rċieva mobile misruq mingħand Mijailovic, biex ibigħu.
Mobiles oħra li kienu rrappurtati misruqa nstabu fid-dar ta’ Marinkovic flimkien ma’ oħrajn li kienu tpartu ma’ apparat misruq. Mistoqsi kif kien qed jirrispondi għall-akkużi, Mijailovic qal lill-Qorti li f’dak il-ħin ma setax jgħid eżatt għax ma kienx qed iħossu tajjeb fiżikament, u sostna li ma kienx irċieva attenzjoni medika. Għal daqstant skont il-liġi, risposta bħal din tiġi meqjsa bħala mhux ħati fejn din ġiet irreġistrata kif dovut mill-qorti. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Josette Sultana rrappreżentat lil Mijailovic bħala avukat tal-għajnuna legali.
//= $special ?>

