Aleksander Čeferin elett mill-ġdid bħala President tal-UEFA
BREAKING | Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo ma kienx elett fl-elezzjoni għall-membri tal-Eżekuttiv tal-UEFA.
Ftit tal-ħin ilu, il-President tal-UEFA, Aleksander Čeferin ħabbar ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni u li fiha kien hemm 11-il kandidat kontestant. Vassallo kiseb 25 vot u ġie fit-tmien post flimkien ma’ Hugo Quaderer, President tal-FA ta’ Liechtenstein, bit-tnejn iġibu l-istess ammont ta’ voti.
L-ewwel seba’ kandidati li kisbu l-akbar ammont ta’ voti kienu eletti f’din l-elezzjoni, bil-President tal-FA Albaniża, Armand Duka kiseb l-akbar ammont ta’ voti fost kulħadd, b’44 vot.
L-aħħar kandidat elett f’din l-elezzjoni, u li allura ġie posizzjoni qabel Vassallo u Quaderer, hu Andrii Pavelko, President tal-FA Ukrena, li kiseb total ta’ 31 vot.
Din kienet l-ewwel darba li Vassallo kkontesta din l-elezzjoni għal post fl-Eżekuttiv tal-UEFA
Intant Aleksander Čeferin dalgħodu kien elett mill-ġdid bħala President tal-UEFA għal terminu ieħor, sal-2027.
Is-Sloven kien konfermat f’din il-kariga b’mod unanimu, waqt il-Kungress tal-UEFA li qed isir bħalissa f’Lisbona, il-Portugall.Čeferin, li għandu 55 sena, kien elett President tal-UEFA fl-2016, wara li kien ħa post l-eks plejer internazzjonali Franċiz, Michel Platini.
Sussegwentament, Čeferin kien ġie elett għall-ewwel mandat sħiħ fl-2019 u llum reġa’ kien mogħti l-fiduċja biex ikompli jservi f’din il-kariga għal erba’ snin oħra.
