Lokali Qorti

€400 multa għal Ingliż fis-sakra li ma obdiex ordnijiet ta’ kaptan ta’ ajruplan ftit qabel l-inżul

Ingliż ta’ 47 sena, li għandu l-familjari tiegħu jgħixu fir-Rabat Għawdex ġie mmultat €400 wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li nhar it-Tlieta għall-ħabta tal-4.45pm waqt li kien passiġġier abbort titjira tar-Ryanair minn Manchester lejn Malta huwa naqas li jobdi l-ordnijiet tal-kaptan meta waqt li kien fis-sakra, qabad u qam minn postu għax ried imur it-tiolet.

Jason Brian Clegg, minn Oldham u li tliet ijiem oħra se jiżżewweġ f’Malta ammetta li sitt minuti qabel l-inżul tiegħu ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, huwa qam minn post minkejja li l-ekwipaġġ tal-ajruplan bdew jippruvaw jikkonvinċuh imur f’postu.

Minkejja dan huwa beda jirrifjuta u jgħid li l-passiġġier ta’ maġenbu kien tħalla jmur it-tiolet u hu ried li jmur ukoll. L-ekwipaġġ ippruvaw jikkalmawh hekk kif Clegg deher li kien fis-sakra wara li tul il-vjaġġ xorob ammont ta’ vodka. Huwa ammetta li kiser il-buon ordni b’għajjat ġlied u ġab ruħu b’mod li pperikola l-ajruplan Ryanair FR5209 u li kien ta’ periklu għall-passiġġieri l-oħra.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roxanne Tabone qalet li Clegg skuża ruħu għal dak li għamel fejn ammetta wkoll li kien taħt l-influwenza tax-xorb u li ma ridtx jintrabat bis-‘seat belt’. Ammetta wkoll li l-komportament tiegħu kien wieħed diżobidjenti.

L-Avukat Josette Sultana li dehret għall-Ingliż talbet ukoll biex il-multa ma tkunx waħda kbira fejn saħqet li ried imur fil-‘bathroom’ malajr kemm jista’ jkun u lura f’postu. Kif intemmet il-kawża Clegg deher jibki u ddispjaċut għal dak kollu li għamel u beda jiskuża ruħu. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex il-multa titħallas f’perjodu ta’ tliet xhur.