Lokali

Id-dilettanti tat-trobbija tal-għasafar jerġgħu jirbħu barra minn xtutna

Wara waqfa ta’ tlett snin minħabba is-sitwazzjoni tal-Covid, id-dilettanti Maltin tat-trobbija tal-għasafar, ħadu sehem fl-ogħla esibizzjoni tal-għasafar li tiġi organizzata mill-Confederation Ornithologique Mondiale (C.O.M), li fi ħdanha għandha 46 pajjiz madwar id-dinja.

Kull sena din l-esibizzjoni ssir f’pajjiż differenti, u din is-sena kien imiss li ssir f’Napoli, l-Italja.

Din l-esibizzjoni saret fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar, u fiha kien hemm il-fuq minn 22,000 għasfur esibit li kienu ġejjin minn 22 pajjiż differenti madwar id-dinja. Il-Maltin kienu fost dawn id-dilettanti li esibew 187 għasfur ta’ kull tip, minn kanali, sa għasafar eżotiċi u għasafar ta’ Fawna Europea, jew aħjar kif insibuħ aħna l-Maltin, dawk ta’ l-għana. Dawn l-esibituri ġew minn diversi klabbs tal-għasafar, affiljati mal-Klabb Birds Breeders Association, li hija l-assoċjazzjoni fdata bir-responsabbiltajiet tal-C.O.M. Dawn il-klabbs imsieħba huma Malta Cage Bird Association , Songbirds Association Malta, Exotic Finch Association, Malta Gloster Breeders Society, Malta Gloster Association & Assoċjazzjoni Kanali Kulur Malta.

Malta bdiet tieħu sehem f’din l-esibizzjoni fl-1998 fejn mall-ewwel irnexxielna nirbħu xi medalja jew tnejn. Ilum ma nistgħux ngħidu hekk, u dan il-għaliex id-dilettanti Maltin raw kif għamlu sabiex itellaw l-istandards tal-għasfur sabiex ikun jista jikkompetti b’aktar mod professjonali. Din is-sena kien wieħed aktar speċjali għalina l-Maltin u Għawdxin , għaliex Malta kisbet l-akbar ammont ta’ medalji merbuħa minn meta bdejna nieħdu sehem. L-ammont ta’ medalji huwa dak ta’ 38, bi 17 tad-deheb, 8 tal-fidda u 13 tal-bronż.

Il-Preparazzjoni minn naħa tal-esibitur tibda minn żmien qabel u hemm triq twila mhux ħażin sabiex ‘breeder’ jwassal l-għasfur biex jirbaħ dawn il-premjiet prestiġjużi. L-ewwel nett l-esebitur, b’tant dedikazzjoni, jrid jieħu ħsieb l-għasafar tiegħu bi professjonalita kbira . Fi żmien ta’ tnissil, bl-akbar attenzjoni jrid jipprova jnissel dak l-għasfur tal-għola kwalità. L-għasfur magħżul irid jilħaq l-ogħla standards, fejn tidħol rixa, , tip, tul, saħħa, u kundizzjonijiet fost oħrajn sabiex ikun jista tingieb l-ogħla marka possibli fejn punt jaf jagħmel id-differenza jekk tintrebaħx midalja jew le .

Minn naħa tal-klabb (Bird Breeders Association COM Malta) irid jieħu ħsieb l-organizzazjoni għall-Mondial, fosthom li jilqa’ l-applikazzjonijiet u jirreġistra l-għasafar tal-esibituri Maltin. Jiġu magħżula membri tal- kumitat mill-istess Assoċazzjoni, kif ukoll minn xi assoċazzjonijiet msieħba u affiljata mal-Bird Breeders Association COM Malta. Dawn ir-rappreżentanti jitilqu l-familjari għal bejn għaxar t’ijiem u ħmistax-il ġurnata bl-akbar responsabbilta u dedikazzjoni jtellaw l-għasafar lejn il-post tal-esibizzjoni u lura lejn Malta. Dan il-proċess jinvolvi ħafna spejjeż u għalkemm għajnuna ma nstabet qatt minn naħa tal- Awtoritajiet għal dawn is-snin kollha , b’sodisfazzjon kbir il-Bird Breeders Association COM Malta flimkien mal-qalb kbira tal-esibitur dejjem irnexxielna tagħmel isem tajjeb lil pajjiżna.

Għaldaqstant ma jistax jonqos li wieħed jawgura suċċess lil dawn l-esebituri kollha li għamlu isem lil pajjiżna , b’mod speċjali din is-sena fejn MALTA kisbet l-akbar ammont ta’ medalji minn meta bdiet tieħu sehem f’din l-esibizzjoni.

Ir-rebbieħa Maltin huma:

Roderick Abela (2 tad-deheb, 2 tal-fidda, u 6 tal-bronż),

Steve Ciappara (2 tad-deheb, 2 tal-fidda, u 1 bronż)

Rodney Camilleri (3 tad-deheb u 1 tal-fidda),

William Rutzen (2 tad-deheb, 1 tal-fidda, u 1 tal-bronż),

Darren Scerri (2 tad-deheb),

David Spiteri (2 tad-deheb),

Mark Scicluna (1 tad-deheb),

Ryan Dalli (1 tad-deheb),

Carl Imbroll (1 tad-deheb),

Steve Aloisio (1 tad-deheb),

Stefan Fenech (1 tal-fidda),

Matti Vassallo (1 tal-fidda u 2 tal-bronż),

Angelo Hayman (1 tal-bronż),

Irving Parnis (1 tal-bronż),

John Mallia (1 tal-bronż)