“Is-servizz tas-saħħa jiddependi minn dan is-sectoral agreement għaliex is-servizz mhux il-binja tagħmlu, is-servizz jagħmlu l-infermier; il-bniedem li qed jaħdem qrib il-marid.”
Hekk stqarr il-President tal-MUMN Paul Pace waqt intervista fil-programm Net Live hekk kif tkellem dwar il-fatt li l-infermieri u l-qwiebel ilhom għaddejjin bl-azzjonijiet industrijali għal 10 ijiem mingħajr ebda reazzjoni mingħand il-Gvern għall-proposti li ressqet il-union.
Paul Pace stqarr li s’issa dawn l-azzjonijiet industrijali ma ħallewx l-impatt li xtaqu u allura dawn id-direttivi kellhom jiżdiedu sabiex ikun hemm ftehim li verament jixraq lill-pazjenti u lill-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom.
Għalkemm l-azzjonijiet fl-isptarijiet żdiedu, Paul Pace qal li d-direttivi baqgħu l-istess fl-Isptar Mater Dei … bit-tama li l-Gvern joffri pakkett ta’ inċentivi li jindirizza l-problema l-kbira ta’ nuqqas ta’ infermieri – pakkett li jkun tassew jixraq għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Hawnhekk, Paul Pace saħaq li l-Gvern mhux qed jara l-gravità tar-realtà li qed jaffaċċjaw.
Barra minn hekk, waqt l-intervista, Paul Pace reġa’ għamel appell lill-Gvern sabiex jieħu azzjoni; għaliex jekk ma jagħmilx dan ikollhom jittieħdu passi sabiex l-MUMN tkompli teskala l-azzjonijiet.
Fost id-direttivi li żdiedu din il-ġimgħa hemm it-twaqqif tal-għoti tat-tilqim miċ-Ċentri tas-Saħħa għal min ikun ser isiefer, filwaqt li mhu se jsir l-ebda xogħol klerikali mill-infermieri.
Direttivi oħra affettwaw l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hekk kif tħabbar li l-infermieri mhux qed jassistu f’numru ta’ dipartimenti kif ukoll waqqfu il-pre-ops ħlief f’operazzjonijiet tal-onkoloġija u tal-pedjatrija.
//= $special ?>