Lokali

Il-Kummissarju tal-Istandards jiddefendi lill-Ministru Clayton Bartolo

Ritratt: Matthew Tabone

F’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet illi ħa, il-Kummissarju tal-Istandards Joseph Azzopardi ċaħad talba li saritlu biex jinvestiga n-nuqqas minn naħa tal-Ministru Clayton Bartolo li jgħaddi ż-żewġ kuntratti li għandu Pierre Fenech tal-ITS.

Pierre Fenech issemma’ fil-famużi chats li għaddew fis-Sajf tal-2019 bejn id-deputat Rosianne Cutajar u l-imprenditur Yorgen Fenech. U mill-ITS, Cutajar ingħatat kuntratt ta’ tliet snin illi laħħaq il-€81,000.

Kien il-Professur Arnold Cassola li għamel talba lill-Kummissarju tal-Istandards biex issir pressjoni ħalli l-Ministru Bartolo jiżvela fil-Parlament il-kuntratti li għandu Pierre Fenech. Iżda skont il-Kummissarju, din l-azzjoni ta’ Bartolo ma tmurx kontra l-istandards li għandu josserva politiku.

Fenech huwa mhux biss Kap Eżekuttiv tal-ITS iżda jmexxi wkoll Dar il-Mediterran – anke f’dan il-każ, fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv.

Fid-deċiżjoni tiegħu, Joseph Azzopardi inħeba wara l-fatt li fil-passat ittieħdu deċiżjonijiet simili fuq materji li jirrigwardjaw tweġibiet fil-Parlament. Fil-fatt, hu qal li bħall-Kummissarju ta’ qablu “nibqa’ bil-ħsieb li bħala regola
ġenerali m’għandix nissindika id-deċiżjonijiet tal-Ispeaker”.