Diversi uffiċjali u diplomati qegħdin iwissu dwar il-potenzjal ta’ vjolenza ġdida fl-aktar zona qaddisa ta’ Ġerusalemm li tattira lid-devoti Lhud minbarra l-Musulmani minn kull rokna tad-dinja. Iz-zona inkwistjoni hi t-Tempju fuq l-Għolja – magħrufa wkoll bħala al-Haram al-Sharif jew il-kumpless tal-Moskea ta’ al-Aqsa – li tinsab fil-Kwartier Antik tal-belt ta’ Ġerusalemm.
L-istess zona li ilha venerata għal eluf ta’ snin mil-Lhud u l-Iżlamiċi spiċċat kemm-il darba ċentru ta’ battalji bejn l-estremisti taż-żewġ denominazzjonijiet reliġjużi u bħalissa qed tbaqbaq mewġa ġdida ta’ rabja fost il-komunitajiet li qed jakkużaw lil xulxin dwar ‘azzjonijiet inaċċettabbli’ fi żmien sensittiv ħafna.
Il-Lhud, bħalissa, qed jiċċelebraw il-festa tal-Passover li tfakkar fl-eżodu (tal-Lhud) mill-Eġittu fi żmenijiet bibbliċi u din il-festa qed issir fl-istess żmien tar-Ramadan li hu osservat b’reqqa kbira mill-Musulmani.
Intant, ftit jiem oħra se jkun iċċelebrat Ħadd il-Għid u din il-Ġimgħa Mqaddsa qed tattira dejjem aktar devoti lejn il-Kwartier Antik ta’ Ġerusalemm fost iċ-ċifri li jindikaw il-wasla ta’ madwar 60,000 turist f’Iżrael din il-ġimgħa.
Fl-istess ħin, żdiedet it-tensjoni wara li ħarġu filmati tal-pulizija Iżraeljana waqt li qegħdin isawwtu lid-devoti Palestinjani li kienu magħluqin fil-moskea ta’ al-Aqsa. U filmat ieħor, maħruġ mill-istess pulizija Iżraeljani, juri grupp ta’ Palestinjani waqt li qegħdin jitfgħu l-logħob tan-nar bir-riżultat li qabbdu sala tat-talb fl-inħawi.
Filwaqt li l-Mexxejja Palestinjani qed jikkundannaw l-attakki tal-pulizija Iżraeljani fuq id-devoti bħala reat u ‘aggressjoni politika’, il-Ġordan u l-Eġittu qegħdin jippruvaw inaqqsu l-livell tat-tensjoni bejn Iżrael u l-Palestinjani –għalkemm huma wkoll ikkundannaw l-aħħar azzjonijiet mill-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani.
//= $special ?>