Lokali

Iweġġa’ gravi wara li ntlaqat minn pompa tal-konkos f’Għawdex

Albaniż ta’ 44 sena residenti n-Nadur Għawdex weġġa’ gravi wara li ntlaqat minn pompa tal-konkos waqt li kien qed juża dan il-makkinarju.

L-inċident seħħ l-Erbgħa għal-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq it-Tlettax ta’ Diċembru, Kerċem Għawdex.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li għal xi raġuni l-Albaniż intlaqat minn pompa tal-konkos waqt li kien qed juża l-istess makkinarju.

Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku fejn ftit tal-ħin wara ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza għall-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.