Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat serqa minn ħwienet

Raġel ta’ 40 sena minn Ħal Qormi li kien fuq pleġġ wara li x-xahar li għadda tressaq il-Qorti mixli li seraq minn ħanut f’Ħal Qormi reġa’ spiċċa l-Qorti mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li wettaq serqa mill-istess ħanut u minn ħanut ieħor f’Santa Venera.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tad-difiża u żammet lil Tristan Falzon arrestat minħabba nuqqas ta’ affidabilità. Falzon tressaq il-Qorti mill-Ispetturi Roderick Agius u Elisa Scicluna mixli li nhar it-Tnejn li għadda seraq mill-ħanut Intersport u li għamel ħsara fl-istess ħanut.,

Huwa ġie mixli wkoll li kkommetta serq ta’ oġġetti mill-ħanut Lidl fil-31 ta’ Marzu li għadda fejn hemm inzerta kien preżenti l-Ispettur Roderick Agius li ma kienx xogħol waqt li kien qed jixtri. Agius qal li meta Falzon rah, dan ħalla xi oġġetti fil-post u telaq jiġri ‘l barra.

Il-Prosekuzzjoni xliet ukoll lil Falzon li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u li sar reċidiv. L-Avukat Josephine Sultana l-Avikat tal-Għajnina Legali li dehret għall-imputat ikkontestat il-validità tal-arrest minħabba li qalet li waqt li kienet qed tittieħed l-istqarrija, Falzon kien rieqed, argument li l-Prosekuzzjoni ċaħdet kompletament għax qalet li kull darba beda jwieġeb u jċaqlaq rasu, kull meta kien qed jiġi mistoqsi hux kollox sew.

L-Ispettur Roderick Agius qal li l-imputat ġie arrestat meta mar jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fuq il-każ tas-serq preċedenti. Qal ukoll li waqt l-istqarrija kien hemm preżenti wkoll l-Ispettur Elisa Scicluna u kuntistabbli li rrekkordja kollox bil-bodycam. Saħaq li l-imputat ngħata d-drittijiet kollha, fosthom li jikkonsulta mal-avukat tiegħu, li jibqa’ sieket u jekk għandux bżonn ta’ assitenza medika.

L-Ispettur qal ukoll li meta ġie arrestat nhar it-Tnejn gġall-ħabta tas-7pm. ġie mistoqsi jekk riedx jikkonsulta ma’ l-Avukat tiegħu David Gatt u biex jieħu parir mingħandu. Tenna li għall-ewwel ried, imma sakemm iċċaqlaq minn kamra għal oħra u kien se jiġi mmanettjat għax ma kien ikkopera, dak il-ħin qal li ma xtaqx li jitkellemu mal-Avukat Gatt.

Għall-ewwel kien kellem lil Dr. Gatt bit-telephone iżda l-għada, meta reġa ngħata d-dritt biex jikkonsultah, l-ewwel qal li kien se jkellmu u wara dde1ieda li le u ma tax raġuni dwar dan. Hekk kif l-arrest tiegħu kien ikkonvalidat, id-difiża għamlet talba għall-pleġġ li kienet oġġezzjonata mill-Prosekiuzzjoni.

Dan fuq ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ kreddibilità u li għad jonqos xhieda pajżana biex jixhdu fil-Qorti. Tenna wkoll li wieħed mix-xhieda, li hu pajżan kien ġera wara l-akkużat biex iżommu milli jisraq, bl-imputat jirrittalja. Qal ukoll li hemm il-biża tal-intraċċ tal-provi u nuqqas ta’ affidabilità ta’ Falzon.

Id-difiża qalet li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li hu dejjem qagħad ma’ dak li mponiet fuqu l-Qorti fosthom li jmur jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija. Qalet ukoll li l-akkużi huma minimi b’waħda minnhom kontravenzjonali u oħrajn fuq serq sempliċi u għalhekk m’għandu jinżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-pleġġ minħabba n-nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat.