Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru

Marokkin ta’ 26 sena, residenti l-Mellieħa inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li nhar il-Ħadd li għadda stupra mara f’Ta’Xbiex, liema allegat stupru seħħ bejn is-6pm u d-9pm. L-akkużat u l-allegata vittma kienu għadhom kemm jibdew joħorġu flimkien.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma ġie mixli li dan id-delitt wassal għal ħsara fiżika u psikoloġika fil-konfront tal-mara u li waqt dan ir-reat huwa żammha kontra l-volontà tagħha u li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-mara.

L-Ispettur Eman Hayman qal li kien infurmat li fl-isptar Mater Dei kienet daħlet persuna li kellmet lit-tobba fejn qaltilhom li kienet ġiet stuprata. Wara li saru xi testijiet fuqha, hi talbet lill-Ispettur biex tkellmu b’mod privat. Qal li marru l-Għassa tal-Pulizija ta’ l-Imsida u kellimha fil-preżenza ta’ Pulizija mara. L-allegata vittma qaltlu li kienet ġiet stupruta. Ir-rapport sar l-għada tal-allegat stupru.

Hayman qal li l-koppja kienu għadhom hemm jibdew jikkomunikaw bejniethom u kienu fuq date. Kien hawn li Prosekuzzjoni talbet divjet tal-pubblikazzjoni biex tiġi protetta l-identità tal-vittma ta’ dan ir-reat, bil-Qorti tilqa’ t-talba. Saret talba għall-pleġġ mill-Avukat tiegħu Josephine Farrugia Mifsud, liema talba sabet oppożizzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni minħabba n-natura tar-reati, l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi peress li l-vittma għad trid tixhed u li l-imputat m’għandux rabtiet qawwija mal-pajjiż u li lanqas għandu familja f’Malta.

Id-difiża qalet li l-akkużat għandu rabtiet ma’ Malta u fil-fatt għandu mpieg. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba fost oħrajn jista’ jipprova jagħmel kuntatt magħha. L-Avukati Cynthia Tomasuelo u Joseph Camilleri Azarov mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien ma’ l-Ispettur Eman Hayman mexxew il-Prosekuzzjoni.