Mit-12 sas-16 ta’ April, is-sewwieq Malti Nicky Gauci se jirrappreżenta lil Malta fil-kategorija Senior Max fir-Rotax Max Challenge Euro Trophy f’Genk, il-Belġju.
Gauci se jikkompeti fil-kampjonat kollu tal-Euro Trophy matul is-sena, bit-tiġrijiet jidhru fil-Belġju, Franza u r-Renju Unit. F’Lulju huwa se jipparteċipa wkoll fir-Rotax Max Challenge International Trophy f’Le Mans, Franza.
Nicky vvaġġa lejn Genk mit-30 ta’ Marzu sal-1 ta’ April għall-prattika biex iżid iċ-ċansijiet tiegħu ta’ suċċess. Huwa kellu sessjonijiet one-on-one mal-magħruf eks sewwieq tal-karting professjonali Bas Lammers, rebbieħ darbtejn tat-Tazza tad-Dinja, 3 darbiet Champion Ewropew, 5 darbiet Champion tal-WSK, u 5 darbiet Champion Olandiż.
Nicky Gauci diġà pparteċipa f’avvenimenti simili, bħall-Rotax Max Challenge Grand Finals 2022 fil-Bahrain, fejn klassifika fit-22 post minn 72 sewwieq, u r-Rotax Max Challenge International Trophy 2022 fi Franza, fejn spiċċa fis-27 post minn 88 sewwieq.
Minbarra s-suċċessi tiegħu barra minn Malta, Nicky kien inkurunat ukoll champion fir-Rotax Max Challenge Malta fl-2020 u l-2021 u t-tieni post fl-2019. Fl-2018, rebaħ ir-Rotax Max Challenge Italia Zona Sicilia wkoll.

