Lokali

Robert Abela dgħajjef mal-kbir għax tħanżer hu wkoll – PN

“Fl-istess żmien li Rosianne Cutajar kitbet li kulħadd qed jitħanżer, Robert Abela kien qed jitħallas €17,000 fix-xahar għal xogħol part-time fl-Awtorità tal-Ippjanar. Mhux ta’ b’xejn li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd jitħanżer” hi sommarju preċiż tal-aħħar 10 snin tal-Gvern tal-Labour.”

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Ritratt: Matthew Tabone

Il-kelliema qalu li r-riżenja ta’ Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari Laburista mhix biżżejjed għax issa jmiss li Robert Abela jieħu azzjoni kontra dawk li tħanżru u għadhom qed jitħanżru minn flus il-poplu. Imma la hu kien fost dawk li tħanżer, Robert Abela hu dgħajjef u ma jistax jieħu passi kontra sħabu.

Staqsew kif, quddiem it-tħanżir li għamel hu stess, kif jista’ Robert Abela jieqaf lil min għadu qed jitħanżer, meta hu kien qed jitħanżer minn flus il-poplu €17,000 fix-xahar għal xogħol part-time jew aktar minn kemm ħafna nies lanqas biss jaqilgħu f’sena sħiħa minn xogħol full-time.

Il-kelliema tennew li llum, Robert Abela ma jistax jitwemmen li qiegħed hemm verament għall-ħaddiema. U għax dgħajjef u bla sinsla, moħħu biss biex jiddefendi lill-kbir, filwaqt li jhedded, jinsa u japprofitta ruħu miż-żgħir.
Bħala eżempju semmew kif Robert Abela u sħabu nesew lill-infermieri, il-qwiebel u l-professjonisti mediċi, kif ukoll lis-social workers, lill-għalliema u lill-edukaturi. Nesa wkoll lill-Pulizija li, fi kliem l-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia, mhux jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu.

Dan kollu qed iħalli effett devastanti fuq eluf ta’ Maltin u Għawdxin. Mhux ta’ b’xejn li l-Labour m’għadux aktar il-Partit tal-Ħaddiema li xi darba kien.