Lokali Qorti

Sena ħabs wara li reġa’ ta għas-serq

Raġel ta’ 26 sena, li għandu problema ta’ droga u li f’Lulju li għadda kien ammetta li kkommetta diversi serqiet minn knejjes u stabbilimenti u ngħata probation reġa’ wettaq reati simili u ġie kkundannat sena ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Xahrejn wara li kkommeta dawn ir-reati, jiġifieri f’Settembru, Hossam Amgad Anwar, mwieled Malta u residenti l-Imsida reġa’ ammetta li seraq minn kaxxa tad-donazzjonijiet u minn diversi stabbilimenti. Il-ħati ammetta li il-25 ta’ Settembru, 2022, ghall-habta tat-3:15am  seraq id-doanzzjonijiet minn gewwa Triq San Patrizju, fil-Belt  u ammetta wkoll li tliet ijiem wara matul il-lejl seraq minn kiosk gewwa li jinsab Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta u li għamel ħsara fil-post.

Ammetta wkoll li fl-1 ta’ Ottubru, ghall-habta tat-2:40am wettaq serqa wkoll ta’ flus minn snack bar fi Triq il-Lanċa, il-Belt u li għamel ħsara fuq il-post. Aly Elnily ammetta wkoll li kiser ordni ta’ probation u li sar reċediv. Mill-informazzjoni migbura ghall-fini ta’ pre sentencing report li sar fuqu wara s-serq li kkommetta fis-sajf li għadda jirrizulta l-imputat għandu problema ta’ droga u li mhux qed jammetti li għandu.

Jirriżulta wkoll li meta nghata l-Ordni ta’ Probation f’Settembru 2022, kellu pjan imfassal ghalih sabiex jinghata l-għajnuna li għandu bżonn fosthom appuntament mal-Uffiċjal tal-Probation u sabiex jistabilixxi kuntatt mal-Community Social Workers.

Biss, huwa għażel li ma jonorax il-pjan u minflok ħamest t’ijiem wara li ħareġ mill-ħabs għazel li jikkommetti reat ieħor u jżid in-numru ta’ vittmi fis-soċjetà. L-uffiċċjal tal-Probation irrakkomanda li Hossam Amgad Anwar Aly Elnily jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva bil-għan li jaghmel programm ta’ riabilitazzjoni waqt li qiegħed jiskonta s- sentenza.

Il-Qorti qalet li ħasbet fit-tul dwar il-piena li għandha tiġi nflitta fiċ-ċirkostanzi fil-konfront tal-imputat u jidrilha li piena karċerarja tkun ta’ sena ħabs sabiex jindirizza l-problema li għandu. Lura f’Lulju l-ħati kien ammetta għall-akkuzi li kkommetta serq minn diversi knejjes  u santwarji, fejn għal iżjed minn darba,kien seraq minn kaxxa tad-donazzjonijiet li jinkludu l-knisja li tinsab fi Triq San Pawl kantuniera ma’ Triq San Duminku; minn knisja fi Triq Santa Luċija, mill-Bażilika tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fi Triq it-Teatru l-Antik il-Belt u minn Triq il-Konservatorju l-Floriana.

Huwa kien ammetta wkoll li seraq minn stabbiliment tal-ikel li jinsab fi Triq it-Teatru l-Antik l-Belt. Kien sar pre-sentencing report bil-ħati jingħata ċ-ċans li jirriforma ruħu, xi ħaġa li m’għamilx meta kien tpoġġa taħt ordni ta’ probation. L-Ispettur Darryl Borg mexxa l-Prosekuzzjoni fl-aħħar każijiet li kellu.