Lokali

Sena wara… x’sar minnha l-‘ġebla protetta’ tal-Ministru Refalo?

Għaddiet aktar minn sena minn meta l-Ministru Anton Refalo inqabad li fid-dar tiegħu qed iżomm ġebla protetta li tmur lura għal żmien l-Ingliżi. Ġebla li sal-lum ħadd għadu ma jaf kif spiċċat fir-residenza tiegħu fil-Qala, biswit il-pool.

Għalkemm il-Ministru Refalo, is-sena li għaddiet kien interrogat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u kien anke msejjaħ mis-Suprintendenza għall-Wirt Nazzjonali… jidher sa issa ma ttieħdu ebda passi ulterjuri fil-konfront tiegħu.

Fi Frar tas-sena li għaddiet kien żvelat li l-ġebla bil-marka “VR” minquxa fuqha tinsab fir-residenza tal-Ministru tal-Agrikoltura wara li ibnu ppoża f’ritratt ma’ oħtu quddiem din l-istess ġebla storika.

Minn dakinhar, saret l-elezzjoni ġenerali u l-Prim Ministru reġa’ poġġa lil Anton Refalo fit-tieni Kabinett tiegħu… u issa iktar minn sena wara l-istess Refalo għadu jifforma parti mill-Kabinett ta’ Abela.

Net News saqsa lill-Ministru biex jagħtina  aġġornament dwar x’sar minnha din il-ġebla…. imma bqajna mingħajr risposta. Mistoqsi jekk hux se jkun sfurzat jirriżenja bħad-Deputat Rosianne Cutajar… Anton Refalo baqa’ jwieġeb bl-istess mod.

U jekk il-Gvern Laburists vera se jkun qed jimxi ma’ dak li qal il-mexxej tiegħu… li rriżenja ta’ Rosianne għolliet l-istandads …allura, Refalo għandu jagħmel bħal Rosiane Cutajar u jirriżenja mill-Partit Laburista. Iżda mill-Ministru kellna biss skiet totali.

Intant, meta ġie mistoqsi biex jgħidilna min huma n-nies li tħanżru taħt Gvern Laburista… għal darb’oħra, il-Ministru Refalo ma lissen ebda kelma.