Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lit-tabib Mario Rizzo Naudi

Deskritt bħala t-tabib li kien dejjem hemm għal kulħadd

Fi knisja ppakkjata bin-nies, dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima lit-tabib Mario Rizzo Naudi… tabib li kien maħbub minn kulħadd.

Mario tilef ħajtu nhar is-Sibt li għadda fl-età ta’ 70 sena.

Kif kien mistenni kienu bosta dawk li dalgħodu sellmu għall-aħħar darba lil Mario Rizzo Naudi fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq, fosthom il-mara tiegħu Doriette, uliedu Karl u Julian, ommu Iris, ħutu kif ukoll in-neputijiet li ppreżentaw kartolini bil-kitba ‘Nannu’ fuqhom.

Fr Andrew Schembri li qaddes din il-funzjoni qal li issa Mario jinsab il-ġenna jgawdi dak il-frott li tant ħadem għalih matul ħajtu.

Fl-omelija tiegħu, Fr Claude Portelli qal li Mario se jibqa’ mfakkar bħala t-tabib li dejjem kien hemm għal kulħadd. Raġel li dejjem kellu sens qawwi ta’ servizz u dover lejn il-komunità. Fr Claude qal li t-tifsira ta’ ħajjet Mario kienet dik ta’ servizz u mħabba kemm lejn il-familja tiegħu li tant kien iħobb kif ukoll lejn il-pazjenti li għalih kienu wkoll ħbieb.

Mario jibqa’ mfakkar bħala raġel li bl-għafsa ta’ jdejh u bit-tbissima tiegħu kien imiss qalb kull min kien jiltaqa’ miegħu. Bniedem li dejjem emmen fil-valur vera ta’ servizz mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Fr Claude qal li dak li għamel Mario, qatt ma għamlu għall-gwadann personali tiegħu iżda kien jagħmlu bħala servizz għall-komunità. Tabib li għaraf jgħix ħajtu bl-aħjar mod bi tbissima li kienet tidħol f’qalb kulħadd.

Rizzo Naudi serva bħala kunsillier indipendenti f’Ħal Għaxaq għal bosta snin, fejn f ost l-unuri li ngħata, fl-2005 ġie rikonoxxut mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq għall-ħidma li wettaq bħala Kunsillier. U fl-2019 huwa ingħata Ġieħ Ħal Għaxaq.

Fl-1998 kien elett bħala membru fl-APAN, fejn kompla jservi f’din il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista sal-2018….u kien anke President. Matul dawn is-snin huwa kien ukoll kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq it-3 u l-5 Distrett.

Preżenti sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Mario Rizzo Naudi kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mis-Sinjura AnneMarie, kif ukoll il-Viċi Kap Alex Perici Calascione u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino. Preżenti wkoll l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżenanti Anglu Farrugia, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Deputati f’isem il-Partit Nazzjonalista kif ukoll membri mit-tmexxija tal-PN.

Hekk kif it-tebut ħareġ mill-Knisja, f’xita qawwija, dawk preżenti nfexxu f’ċapċipa twila bħala ringrazzjament għas-servizz imprezzabbli li ta matul is-snin it-Tabib Mario Rizzo Naudi.