Internazzjonali

Wara l-akkużi… Donald Trump jibqa’ jinsisti dwar konfoffa politika kontra tiegħu

L-Eks President Amerikan Donald Trump qed jinsisti li l-akkużi formali li għadhom kemm tressqulu f’qorti ta’ New York huma parti minn konfoffa tal-Partit Demokratiku fil-Gvern li, skont hu, qed jipproduċi l-informazzjoni ‘falza’ bil-ħsieb li jxekkluh fit-tentattivi biex jerġa’ jitla’ elett mill-ġdid bħala Mexxej tal-Istati Uniti.

Trump – li qed jittama li jikseb mill-ġdid in-nomina tal-Partit Repubblikan biex jikkuntesta għal-White House – qed ikompli jisħaq li mhux ħati mill-akkużi  miġjuba kontra tiegħu u li jibbażaw fuq allegat attentat biex jiffalsifika r-rekords relatati man-negozju bil-ħsieb li tinħeba informazzjoni li kellha tiswielu ta’ danni qabel l-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 mirbuħa minnu.

Donald Trump hu l-ewwel Eks President fl-istorja tal-Istati Uniti li qed jiffaċċja proċess kriminali u meta hu, fil-lejl tat-Tlieta, deher quddiem  l-Imħallef Juan Merchan waqt li tressqulu 34 għadd ta’ akkuża relatati ma’ pagament sigriet ta’ flus li sar lil Stormy Daniels, eks-attriċi tal-films pornografiċi.

Il-pagament, li jirreferu għalih bħala ‘hush money’  — jew ħlas bil-moħbi – kien jammonta għal $130,000 u meta qed jingħad li Daniels ingħatat il-flus qabel l-elezzjoni tal-2016 biex hi ma tikxifx li i kommettiet adulterju mal-Eks President,  Filwaqt li pagament ta’ dan it-tip mhux illegali, kull sitwazzjoni fejn jintefqu flus sigrieti b’appoġġ għal kampanja Presidenzjali hi meqjusa dejjem bħala abbuż għar-regoli finanzjarji tal-kampanji politiċi fuq livell federali.

Intant, l-eks avukat ta’ Trump, Michael Cohen, ammetta li hu kien ħallas l-ammont ta’ flus lil Daniels fuq it-talba ta’ Trump innifsu.

Dan meta Stormy Daniels illum qed titkellem bil-miftuħ dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ Trump, bil-każ – filwaqt li sar jixbaħ it-tema ta’ xi soap opera — qed jippolarizza l-opinjoni pubblika bħal ebda każ simili fl-istorja moderna tal-Istati Uniti.

Wara li wieġeb li mhux ħati għall-akkużi, Donald Trump, fil-lejl tat-Tlieta, ivvjaġġa min-New York lejn ir-residenza tiegħu f’Mar-a-Lago, fi Florida, fejn, waqt diskors lis-sostenituri tiegħu miġburin hemmhekk, insista li ‘l-uniku reat li seta wettaq għandu jitqies fil-kwadri tal-isforzi tiegħu biex jiddefendi lill-Istati Uniti konra l-elementi li jixtiequ jeqirduha’.

Hu ikkummenta wkoll li l-Istati Uniti, illum, ‘qabdet it-triq lejn l-infern’ waqt li rrefera kontinwament għall-akkużi fil-konfront tiegħu bħala ‘fake case’ ( każ li jibbaża fuq il-qlajjiet infodanti u foloz).’

Dan meta kull wieħed mill-każi kontra Trump iġorr massimu ta’ erba’ snin ħabs – għalkemm l-Imħallef li qed jippresiedi l-każ kapaċi jgħaddi sentenza ta’ probation f’każ li l-Eks President jinstab ħati.