Lokali

AĠĠORNATA: Żewġ barranin fil-periklu tal-mewt f’ħabta ‘head on’ f’Ħal Far

Żewġ persuni weġġgħu serjament jinsabu fil-periklu tal-mewt wara li kienu involuti f’inċident li seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija fi Triq Ħal Far, Birżebbuġa.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Isuzu D-Max, misjuq minn raġel ta’ 51 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Peugeot 308, misjuqa minn Pakistani ta’ 33 sena residenti Ħaż-Żabbar. Fil-Peugeot, kien hemm ukoll erba’ Bulgari, tliet irġiel u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn 23 u 50 sena.

Fil-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u permezz ta’ diversi ambulanzi ttieħdu l-Isptar Mater Dei il-persuni kollha involuti fl-inċident.

Aktar tard, il-Pakistani ta’ 33 sena u r-raġel Bulgaru ta’ 50 sena ġew iċċertifikati li weġġgħu serjament u jinsabu fil-periiklu tal-mewt filwaqt li l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.