Knisja Kultura Lokali

“Alla Hu bżonn radikali għal ħajjitna” – L-Arċisqof f’Ħamis ix-Xirka filgħodu

F’Ħamis ix-Xirka nagħtu bidu għat-tridu tal-Għid..tlett ijiem li matulhom infakkru l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu saċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien tiegħu mill-mewt fl-Għid il-Kbir.

Ħamis ix-Xirka filgħodu, saret iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.  Din il-konċelebrazzjoni solenni tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mas-saċerdoti tad-djoċesi. 

Waqt din il-quddiesa sar il-konsagrazzjoni taż-żjut qaddisa li mbagħad jintużaw fil-parroċċi kollha madwar Malta fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Griżma tal-Morda. 

Fl-omelija li wassal, l-Arċisqof stieden lis-saċerdoti u lil-lajċi jaħsbu dwar kemm Alla hu ta’ “bżonn radikali” f’ħajjitna biex jeħlisna u biex “iżurna bl-imħabba u l-grazzja tiegħu”.

Fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, l-knejjes filghodu ma jiftħux – u allura, din kienet l-unika celebrazzjoni Ewkaristika li saret.

Din il-quddiesa tenfasizza wkoll l-għaqda saċerdotali bejn l-Isqof u s-saċerdoti tad-djoċesi fejn matulha jiġġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni saċerdotali.