Fis-6 ta’ April 2019, Lassana Cisse, raġel ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, inqatel f’Birżebbuġa, Malta, f’attakk b’mottiv razzjali, fejn żewġ vittmi oħra, Ibrahim Bah u Mohammed Jallow ukoll ġew milquta. Iż-żewġ suspettati ġew identifikati bħala suldati off-duty tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), li allegatament immiraw għall-vittmi minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom. Ftit xhur biss qabel, l-istess żewġ ħatja attakaw lil May Malimi, żagħżugħ miċ-Chad, waqt li kien ukoll miexi f’Birżebbuġa.
Għaddew erba’ snin u l-familja ta’ Lassana u t-tliet vittmi l-oħra għadhom qed jistennew ul-ġustizzja, filwaqt li s-suspettati qegħdin barra bil-libertà proviżorja.
Dan l-att faħxi kien maħsub biex jitterrorizza u jqajjem il-biża’ fil-komunità tal-immigranti suwed. Il-kunfidenza li kellhom iż-żewġ suspettati kienet imħeġġa minn snin ta’ retorika politika u policies inumani dwar l-immigrazzjoni, retorika li tissuġġerixi li immigranti suwed jistgħu jiġu ttrattati bħala nies inferjuri. Għal wisq żmien, id-diskors politiku u l-policies ta’ kastig qawwew il-fjammi tal-preġudizzju razzjali. Xi oħrajn aċċetaw tali diskriminazzjoni permezz tas-silenzju tagħhom.
Jeħtieġ li l-Gvern jisħaq li r-razziżmu u l-preġudizzju mhux se jkunu tollerati. Hekk biss nistgħu nibdew naraw bidla reali fis-settur pubbliku u privat. Il-Gvern irid juri l-impenn tiegħu biex jiżgura li ssir ġustizzja u li atti ta’ vjolenza razzjali bħal dawn ma jibqgħux bla kastig. Il-paroli mhux biżżejjed! Filwaqt li t-tnedija tal-istrateġija kontra r-razziżmu hija pass fid-direzzjoni t-tajba, il-bidla reali teħtieġ reviżjoni trasparenti tal-istrutturi, il-policies u n-normi soċjali kollha. Għandu jkun hemm sforz miftiehem biex jiġi indirizzat ir-razziżmu sistemiku fl-għeruq tiegħu.
Il-fondazzjoni aditus ġabret lista ta’ każijiet magħrufa ta’ negliġenza istituzzjonali u vjolenza razzjali li turi l-istorja twila u tal-mistħija ta’ Malta fit-trattament tagħha tal-immigranti u dawk li jfittxu l-ażil.
Il-qtil ta’ Lassana għandu jfakkarna kemm irridu nkomplu niġġieldu kontra kull forma ta’ razziżmu u fanatiżmu. Solidarjetà mal-familja u l-ħbieb ta’ Lassana, it-3 vittmi l-oħra, u dawk kollha li ġew affettwati mill-vjolenza razzjali.