Lokali

“Ħa mmur norqod, I love you boys” – L-aħħar kliem ta’ Mario Rizzo Naudi lil uliedu

Joe Cassar jitkellem ma’ Karl Rizzo Naudi, iben Mario

“Sagħtejn qabel ma ġejna nfurmati li missieri kellu bżonn jiddaħħal għal operazzjoni urġenti konna ħdejh l-isptar. Ħriġna mis-sala għal xi nofsillejl u fis-2.20 ċemplulna li għandu bżonn operazzjoni urġenti. Qalbna qisha ħebritna. Ma kinetx xi ħaġa normali għalina llissnu l-kelma ‘I love you’ bejnietna, minkejja li dejjem ħabbejna ħafna ’l xulxin, imma qabel tlaqna minn ħdejh, lili u lil ħija qalilna “Ħa mmur norqod, I love you”. Dak il-lejl għedtlu “I love you”, u ħija wkoll qallu “Love you Pa.” Min kellu jgħidilna li dawn kellhom ikunu l-aħħar kliem li lissinna lil xulxin.

Kliem Karl Rizzo Naudi, meta tlabtu jgħidli xi tifkiriet tal-għażiż missieru Mario, proprju lbieraħ, fil-jum tad-difna tiegħu.

Karl qalli li missieru dejjem qeda d-dmir tiegħu ta’ tabib qabel kollox. Semmieli bħala eżempju meta kien għadu l-iskola u kellu funzjoni tal-Preċett. “Niftakar li dakinhar, aħna u ħerġin u sejrin lejn l-iskola, taret kamra tan-nar viċin id-dar tagħna u litteralment in-nies bdew iġorru l-feruti  lejn id-dar tagħna.

“Missieri ma ħasibhiex darbtejn, tani bewsa u qalli ‘taf li jiena tabib u dmiri  jiġi l-ewwel.’ Waqt li qed jgħidli hekk biesni u qalli ‘mur u ħu gost u skużani,ma nistax nattendi.’ Dak il-ħin rajtu jinża’ l-ingravata u beda jużaha bħala faxxa biex iwaqqaf id-demm minn wieħed mill-feruti.”

Ikompli jirrakkonta Karl: “Min jaf kemm-il lejl għamilna reqdin id-dar jiena, ħija u l-mamà għax il-papà kien night duty. Meta beda jaħdem għal rasu min jaf kemm-il darba smajna t-telefon tad-dar idoqqf’nofs ta’ lejl, anki fis-2  ta’ filgħodu, għax dan kien żmien qabel il-mobile, tarah jilbes u f’ħakka t’għajn ikun diġà telaq u mar jgħin lill-pazjent fil-bżonn.Dawk huma ftit mill-eżempji ta’ kemm missieri kellu l-professjoni tal-mediċina għal qalbu.”

Karl qal li l-memorji tiegħu u ta’ ħuh dwar missierhom kienu kollha sbieħ. “Qatt ma webbilni biex nipprattika sport jew ieħor. Id-deċiżjoni dejjem kienet tiegħi u ta’ ħija imma dejjem, kull meta jien għażilt sport – jiena minn mindu kelli 10 snin intfajt fil-waterpolo – kien dejjem hemm biex jistaqsini kif mortu llum? Kif ħassejtek mort? Ma kienx wieħed minn dawk li jiġi jara l-logħob, ovvjament minħabba x-xogħol tiegħu, imma meta niltaqgħu l-ewwel darba, l-ewwel ħaġa li jgħidli kienet tkun ‘smajt li lgħabt tajjeb illum’, b’dik it-tbissima kbira fuq wiċċu.

Meta daħħalnieh l-isptar ovvjament kien xokk qawwi, għax ftit tas-sigħat qabel kien luċidu u kellimni. Konna erġajna daħħalnieh għax beda jiddeterjora daqsxejn u t-tobba fl-emerġenza riedujagħmlu l-investigazzjonijiet. Għall-inqas nista’ngħid li smajt l-aħħar kelmiet ta’ missieri: ‘Ħa mmur norqod, I love you boys’.”

“Ta’ missieri kellna, u jibqa’ jkollna, tifkiriet sbieħ biss,” temm jgħidli Karl Rizzo Naudi.