Lokali

Ħaddiem fil-periklu tal-mewt wara li ħa xokk elettriku

Aktar kmieni llum, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza f’maħżen fi Triq L-Iskultur, Ħal Qormi wara li ħaddiem sofra xokk elettirku.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11am.

Il-Pulizija marru minnufih fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li raġel ta’ 40 sena residenti Ħal Luqa, ħa xokk elettriku waqt li kien qed jaħdem, bil-konsegwenza li waqa’ minn fuq sellum li kien fuqu.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post taxXogħol, għadhom għaddejjin.