Hemm tamiet li żjara li l-President ta’ Franza qiegħed jagħmel fiċ-Ċina twassal lejn konklużjoni tal-gwerra li ilha għaddejja għal kważi sena u nofs fl-Ukrajna….Dan meta ż-żjara tal-President Emmanuel Macron qed tkun suġġetta għal skrutinju kbir minn barra minħabba li r-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Punent ilhom sejrin lura għal snin.
Macron, fl-istess ħin, qed jittama li l-appell tiegħu biex iċ-Ċina tgħin twaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna ma jaqax fuq widnejn torox, meta hu talab biex il-President Ċiniż Xi Jinping juża l-influwenza tiegħu biex iġiegħel lil Moska tibdel il-politika aggressiva tagħha fi żmien partikularment sensittiv għall-Ewropa u d-dinja.
Qabel beda sensiela ta’ taħditiet ma’ Xi Jinping, f’Beijing, Macron qal li qed jiddependi fuq il-Mexxej Ċiniż biex iġib lir-Russja f’sensiha waqt li Xi Jinping wieħeb li Franza u ċ-Ċina għandhom il-kapaċità u r-responsabbiltà biex jissalvagwardaw il-paċi fid-dinja.
Iċ-Ċina fl-ebda żmien ma kundannat l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russi u meta Macron, fil-preżent, qed jittama li jikkonsolida r-rabtiet kummerċjali ta’ pajjiżu ma’ Beijing. Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ukoll finsab fiċ-Ċina wara li kienet mistiedna minn Macron biex tieħu sehem hi wkoll fit-taħditiet mat-Tmexxija Ċiniża.
Aktar kmieni llum, il-President Macron spezzjona parata militari f’Beijing qabel issieħeb ma’ Xi Jinping għal taħditiet wara bibien magħluqa. L-indikazzjonijiet kollha juru li von der Leyen ukoll qed ikollha sehem ewlieni fid-diskussjoni wara li hi u Macron — waqt laqgħat mal-Prim Ministru Ċiniż Li Qiang u uffiċjali oħrajn — sejħu għal aktar djalogu ma’ Beijing.
Filwaqt li Macron qed ikompli bit-taħditiet, bħalissa jinsabu għaddejjin aktar protesti f’Pariġi u bliet oħra ta’ Franza u li huma relatati mar-riformi għall-pensjonijiet xprunati mill-Gvern Franċiż. Il-protesti fi Franza ilhom għal xahrejn u nofs u fl-aħħar sigħat kienu qed isiru azzjonijiet industrijali ġodda mill-ħaddiema. Dan waqt li z-zoni ta’ Pariġi spiċċaw imblukkati bid-dimostranti li kienu qed jesprimu l-għadab tagħhom għal Macron u l-Gvern tiegħu.
Qabel beda ż-żjara fiċ-Ċina, Macron kellem lill-media fejn irrefera għat-tħassib dwar it-tensjoni li qed teskala bejn il-Punent u ċ-Ċina iżda sostna li ċ-Ċina żgur li mgħandhiex l-interess li l-gwerra fl-Ukrajna tibqa’ għaddejja għat-tul taż-żmien.
Fl-aħħar ġimgħat, iċ-Ċina ipproduċiet pjan għall-paċi fl-Ukrajna li jibbaża fuq tnax-il punt bħala parti mill-ambizzjonijiet biex tikkonsolida rwol aktar sinifikattiv fid-diplomazija internazzjonali.
U waqt li l-pajjiżi tal-Punent mhumiex jagħtu wisq kredibbiltà lill-proposti ta’ Beijing, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, sejjaħ għal taħditiet diretti ma’ Xi Jinping li min-naħa tiegħu għadu ma weġibx pubblikament għal din is-sejħa.
//= $special ?>