Lokali

“Il-ħaddiema minsija minn Gvern Laburista” – il-barklora jittiħdilhom posthom bla alternattiva

Il-barklora li joperaw fil-Port il-Kbir qed jitolbu li jingħataw zona alternattiva minn fejn jħhdmu. Dan wara li fuq in-naħa tal-Belt – fejn id-Dwana – diġa’ beda x-xogħol li qed isir minn Infrastructure Malta sabiex jestendu x-xatt magħruf bħala Pinto 5.

Il-Ħamis, saret protesta mill-istess barklora illi qed isemmgħu leħnihom b’saħħa minħabba li l-awtoritajiet qed jibqgħu jinjorawhom.

Net News hu infurmat li huma madwar 40-il persuna li joperaw bħala barklora.

Dawn ilhom 6 xhur jagħmlu pressjoni sabiex jingħataw post alternattiv fil-Belt fejn ikunu jistgħu iniżżlu l-klijenti tagħhom – mhux biss turisti, imma anke Maltin li frekwentament jużaw dan is-servizz ta’ trasport mill-Birgu lejn il-Belt Valletta u vice versa.

Sitwazzjoni li mhux qed taffetwa biss lill-barklora iżda wkoll lill-klijenti tagħhom, kemm turisti u anke Maltin.

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li sa issa l-barklora baqgħu jiġu injorat minn Infrastructure Malta. U għadhom ma inghatawx alternattiva realistika għall-problema li qed jaffaċjaw.

Ritratti: Martin Agius