Illum niċċelebraw Ħamis ix-Xirka fejn jingħata bidu għat-tridu tal-Għid; it-tlett ijiem li jħejju lill-Kattoliċi għall-aktar festa importanti tal-Insara – il-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu mill-mewt.
Ħamis ix-Xirka hu l-jum li jfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju – jum li jibda permezz ta’ quddiesa magħrufa bħala taż-Żjut fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Fl-istess funzjoni, jitbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż-żejt tal-Griżma li jibqa’ jintuża fis-sagramenti matul is-sena.
Filgħaxija, imbagħad, issir quddiesa li tfakkar l-aħħar ikla tal-Mulej mal-Appostli, illi fiha, kif jirrakkontaw il-Vanġeli, twaqqfet l-Ewkaristija.
Fiċ-ċerimonja tal-lejla, li se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna, se jsir ukoll il-ħasil tas-saqajn ta’ 16-il persuna.
Intant, aktar tard filgħaxija jibdew is-7 Viżti tradizzjonali quddiem l-artal tar-repożizzjoni hekk kif matul is-sigħat li ġejjin il-Knisja tosserva mumenti ta’ talb u ġabra, li jwasslu sal-ħin tal-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Għada filgħodu imbgħad jissoktaw il-Viżti, sakemm isir il-ħin għall-funzjoni tat-3pm – biex aktar tard imbgħad joħorġu l-purcissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, akkumpanjati bid-daqq tal-marci funebri, is-suldati Rumani u l-personaġġi Bibbliċi.
//= $special ?>