F’Wembley Stadium il-Ħamis filgħaxija intlagħabet il-Finalissima tan-nisa, bl-Ingilterra jegħlbu lil Brażil 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li l-iskor sal-ħin regolamentari baqa’ dak ta’ 1-1 quddiem folla ta’ 83,132.
Din kienet l-ewwel edizzjoni fil-futbol femminili bejn ir-rebbieħa tal-Kampjonat tal-Ewropa u r-rebbieħa tal-Copa America.
Suċċess għall-Ingilterra li issa ilhom 30 partita mhux megħluba.
Għaż-żewġ timijiet din il-partita kienet ukoll parti mill-programm ta’ preparazzjoni għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li tibda fl-20 ta’ Lulju fl-Awstralja u New Zealand.
L-Ingilterra, mmexxija minn Sarina Wiegman marret fil-vantaġġ fit-23 minuta wara li Ella Toone għelbet lil Leticia Izidoro Lima da Silva minn azzjoni ta’ Lucy Bronze. Vantaġġ minimu li biħ intemmet l-ewwel taqsima.
It-tieni taqsima bl-Ingilterra jkollha 65 fil-mija pussess, dehret li kkontrollat il-partita sal-mument meta fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud Mary Earps kienet ħażina biex tintercetta kross, b’Andressa Alves Da Silva taprofitta u tagħmel l-iskor 1-1, bil-partita tmur għall-għoti tal-penalties.
Għall-Ingilterra skorjaw Georgie Stanway, Rachel Daly, Alex Greenwood u Chloe Kelly dak deciżiv filwaqt li falliet it-tieni wieħed Ella Toone.
Għall-Brażil skorjaw Adriana Leal da Silva u Kerolin Nicoli Israel Ferraz filwaqt li fallew Tamires Cassia Dias Gomes u Raffaela Leone Carvalho Souza.
Referee tal-partita kienet il-Franċiża Stephanie Frappart.