Il-kollegi ta’ Sivlio Berlusconi qed jittamaw li l-eks Prim Ministru Taljan jirritorna mill-aktar fis fix-xena politika wara li hu ddaħħal l-isptar fost il-ġimgħa bi problemi tan-nifs. Intant, diversi sorsi tal-aħbarijiet qed jgħidu li Berlusconiqed isofri minn leukamia u li fil-preżent qiegħed jingħata kors ta’ kimoterapija.
Fl-istess ħin, il-bullettini dwar l-eks Prim Ministru qalu li hu xorta waħda jinsab ‘stabbli u allert għal dak li qed iseħħ madwaru’ — bil-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin Antonio Tajani, kollega antik ta’ Berlusconi mal-Partit Forza Italia, jinsisti biex ma jintilifx is-sens ta’ ottimiżmu fiċ-ċirkustanzi diffiċli.
Berlusconi, sinjurun tal-istampa li serva erba’ darbiet bħala Prim Ministru Taljan, għadu jmexxu lill-Partit Forza Italia u fil-preżent qiegħed jaqdi r-rwol ta’ Senatur elett.
Fl-aħħar snin hu kellu diversi problemi tas-saħħa fejn kellu jgħaddi minn kirurġija tal-qalb u meta marad ukoll bil-pneumonia wara li spiċċa infettat bil-virus tal-Covid.
Kien proprju nhar l-Erbgħa li Berlusconi, li għandu 86 sena, daħal fl-isptar ta’ San Raffaele f’Milan, sitt ijiem biss wara li t-tobba mal-istess sptar kienu bagħtuh lura d-dar wara sensiela ta’ check-ups.
Min-naħa tiegħu, Antonio Tajani, li l-partit tiegħu hu membru fil-Gvern tal-lemin immexxi mill-Prim Ministru Giorgia Meloni, ikkummenta biss li Silvio Berlsuconi qed jikkumbatti ma’ problema tas-saħħa li għadha mhix riżolta.
Sadanittant, is-sorsi fl-isptar ta’ San Raffaele qalu li Silvio Berlusconi qed jingħata terapija intensiva biex titjieblu ċ-ċirkulazzjoni tad-demm waqt li l-gazzetta Corriere della Sera rappurtat li nstabitlu forma ta’ leukamia li fost oħrajn tattakka liċ-ċelloli tad-demm. Dan ir-rapport partikulari kien anki sostanzjat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.
Ma jistax jonqos li s-sitwazzjoni ta’ Sivlio Berlusconi qed tinkwieta sew lill-politiċi minn madwar l-ispektrum politiku fl-Italja u li kollha bagħtulu messaġġi ta’ kuraġġ u solidarjetà.
Il-Prim Ministru Meloni ukoll awguratlu fejqana ta’ malajr u fejn, permezz ta’ messaġġ fuq Twitter, bagħtet il-kumment ‘Forza Silvio’ biex tenfasizza s-sentimenti tagħha u liema messaġġ jibbaża wkoll fuq l-isem tal-partit politiku ta’ Berlusconi.
//= $special ?>