Lokali

“M’għamiltx pressjoni biex titlaq Rosianne Cutajar” – Alicia Bugeja Said

Kienet Rosianne Cutajar innifisha illi semmiet il-ħniżrijiet li kulħadd kien qiegħed jagħmel…u li hi kienet se titħanżer ukoll bħal ma effittivament għamlet f’ammissjoni tagħha stess f’konsulenzi mal-ITS. Iżda dwar dan kollu, skiet totali mill-Prim Ministru.

Inizjalment, Robert Abela deher li ma kien se jieħu ebda pass fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar għaliex skont hu kienet diġà ħalset prezz politiku. U minflok, qabez għal seħbitu tal-istess distrett għal aktar minn darba.

S’issa, għadu mhux magħruf bi preċiż għalfejn Rosianne Cutajar saritilha pressjoni sabiex titlaq.  Għalkemm fuq il-midja soċjali hi esprimiet il-fatt li staqsiet x’inbidel…iżda tweġiba baqgħet ma ngħatatx.

Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said dwar dan kollu…iżda hi insistiet li ħadd m’għamlilha pressjoni u tat l-impressjoni li għaliha Cutajar setgħet baqgħet.

Għaldaqstant mhux magħruf jekk Cutajar ġiet sforzata twarrab għax kixfet li xi ħadd fil-kamp Laburista kien qiegħed jitħanżer bi flus il-poplu.

Li huwa ċert hu li Robert Abela għal darb’oħra ma wriex ir-rettezza li hemm bżonn f’mument fejn il-poplu qiegħed isejjaħ għal bidla fl-attitudni. Għalkemm stqarr illi dan il-pass meħud minn Rosianne Cutajar qiegħed jgħolli l-istandards.

Bosta esperti qed jisħqu li tali stqarrija hija surreali meta fl-istess waqt Membri tal-Kabinett preżenti, inkluż il-Prim Ministru nnifsu, kienu l-istess membri li fost oħrajn baxxew rashom għat-trasferiment skandaluż tat-tlett sptarijiet bejn Vitals u Steward. Bil-poplu għadu qed jistenna li jieħu lura l-miljuni kbar li marru f’deal illi l-Qorti stess iddikjaratu bħala null.