Accountant ta’ 48 sena u l-kumpanija tiegħu ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fuq ksur tas-sanzjonijiet tal-UE dwar ħruġ ta’ armi u munizzjon mir-Russja. Karl David Mallia, li huwa Direttur tal-kumpanija Donna Shipping Company Limited kienu nvestigati mill-Ispettur Lianne Bonello li f’April 2019, u fix-xhur ta’ qabel, ġarrew armi jew munizzjon mir-Russja meta kien hemm fis-seħħ sanzjonijiet tal-Kunsill tal-UE relatati mal-invażjoni fl-Ukrajna.
Mallia u l-kumpanija tiegħu ma nstabux ħatja wkoll li kisru r-regolamenti tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Mallia kien l-uniku Direttur tal-kumpanija li bħala azzjonist kellha lir-Russu Vladislav Ovsyannikov. L-investigazzjonijiet bdew fil-bidu ta’ April 2019 bil-Bank BNF jirrapporta lis-Sanctions Monitoring Board li fil-kont bankarju tad-Donna Shipping Company Limited kiendaħal pagament ta’ €78,000 mill-kumpanija Russa bl-isem ta’ United Transport Company għall-kiri tal-vapur MV Sheksna.
Ħareġ li l-ħlas kien sar biex permezz tal-vapur MV Sheksna u li nġarru lejn il-Marokk 142 paletta tal-injam b’95,200 kilo ta’ dawk li kellhom ikunu skrataċ għall-kaċċa u l-isport. L-investigazzjonijiet kienu kkonkludew li tali merkanzija laħqet waslet il-Marokk destinata għad-Direttorat Ġenerali tas-Sigurtà Nazzjonali ta’ dan il-pajjiż.
Il-pagament bejn iż-żewġ kumpaniji twaqqaf mill-Bank BNF malli dan induna li kien se jkun hemm ksur tas-sanzjonijiet tal-UE. Meta l-Pulizija għamlu kuntatt ma’ Mallia dan infurmahom li kien jaħdem bħala accountant u sostna li ma kienx involut fil-lat operattiv tal-kumpanija.
Il-Qorti qalet li mill-provi li tressqu quddiemha rriżulta li d-dokumentazzjoni li l-prosekuzzjoni bbażat il-każ tagħha fuqha ma ġietx ikkonfermata bil-ġurament jew bix-xhieda ta’ xi rappreżentant tal-kumpanija akkużata jew ta’ dik li bagħtet il-merkanzija.
Il-Maġistrat qalet li tinsab inkwetati kif Mallia biss ġie akkużat li kiser is-sanzjonijiet meta ma kienx hu li ffirma l-ftehim bejn iż-żewġ kumpaniji. Il-Qorti tenniet li Prosekuzzjoni naqset milli tipprova li Mallia pparteċipa jew kellu xi nvolviment personalment mqar minimament f’din it-tranżazzjoni.
F’dan il-każ l-affarijiet saru wisq malajr u li ftit kien hemm ċans li wieħed jintebaħ bihom jew jeżerċita kontroll jew superviżjoni. Punt importanti li qalet il-Qorti kien li kollox sar minn wara dahar Mallia bejn terzi, mill-bidu sal-aħħar. Sadanittant ma nġiebet ebda prova li Mallia naqas f’xogħlu.
Il-Maġistrat Frendo Dimech kompliet tgħid li mir-riċerki ma rriżultax li l-kumpanija għandha bħala parti mill-assi tagħha l-bastiment imsemmi u rrimarkat li fl-istess waqt diffiċli jinftiehem kif kumpanija li, skont id-direttur tagħha, in-negozju jdur ma’ bastiment u huwa ma kienx jaf li r-reġistru tal-bastiment ingħalaq fl-2014.
Fid-dawl ta’ dan kollu hemm ukoll dubji dwar kemm Mallia verament ma kienx konxju dwar ir-reġistrazzjoni u l-operat tal-bastiment u għalhekk kemm tassew kien qed jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa fl-eżekuzzoni tar-rwol tiegħu bħala direttur tal-kumpanija imputata. Iżda dawn jibqgħu biss spekulazzjonijiet, li ma jgħoddu xejn għall-proċess ġudizzjarju li jrid ikun msejjes biss fuq provi.
Għalhekk baqgħet ma nġibitx prova sodisfaċenti li Mallia tassew falla fl-eżerċizzju tiegħu bħala direttur tal-kumpanija. Hawn il-Qorti qalet li tiddeċiedi biss fuq fatti u provi konkreti u mhux spekulazzjonijiet.
Il-Qorti qalet ukoll li għalkemm fuq talba tagħha l-prosekuzzjoni bagħtet għal informazzjoni minn diversi awtoritajiet barranin dawn ma kkollaborawx u rrimarkat li forsi wasal iż-żmien li meta l-awtoritajiet lokali jirċievu talbiet simili minn dawn l-istess pajjiżi tiġi prattikata ir-reċiprocita fil-konfront tagħhom.
Kien għal dawn ir-raġunijiet kollha li l-Maġistrat Frendo Dimech ma sabitx lil Mallia u lill-kumpanija li tagħha kien direttur ħatja li kisru s-sanzjonijiet tal-UE. Għall-istess raġunijiet, qalet il-Qorti, lanqas ma ġie pruvat sal-grad meħtieġ li l-imputati naqsu milli jottemperaw wriehom ma dak kontemplat bir-regolament 8 tar-Regolamenti, u ċioe li jwettqu verifiki in kwantu għall-identifikazzjoni tal-klijent jew tas-sid benefiċjarju.
Għal kuntrarju mid-dokumentazzjoni li Mallia għadda lill-pulizija u dik li Ganado għaddew lil bank, jidher biċ-ċar li l-imputat, Mallia kien daħal fiż-żarbun ta’ qablu w dan wara li assigura ruħu li il-proċeduri dwar ‘know your client’ kienu ġew mħarsa w implimentati mill-istess Company Service Providers (CSP).
Hawn jingħad li is-CSP ingaġġati mill-ultimate beneficial owner kienet ditta rinomata għall-professjonalità w integrità tagħha, bi professjonisti fil-qasam marittimu. Minn dan il-punt m’hemmx dubbju li Mallia w il-kumpanija fdaw u segwew il-pariri ta’ esperti fil-qasam tas-setturi kummerċjali, marittimi u merkantili fejn ma ġiex muri li ngħatatilhom xi raġuni biex jissuspettaw li ma kienux qed jiġu mmexxija fl-ambitu ta’ legalità. Għal dawn il-motivi il-Qorti qed tillibera lill-imputati minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>

