Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika u li weġġa’ ħafif Pulizija

Raġel ta’ 37 sena residenti Santa Venera inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li nhar it-Tlieta ħebb għas-sieħba tiegħu u kkaġunalha ferita ħafifa u aktar tard meta l-Pulizija intervjenew kkaġuna ferita ħafifa fuq kuntistabbli wara li ħebb għalih.

Wayne Delia mhux wiċċ ġdid mal-Pulizija ġie akkużat bi 11-il akkuża wieġeb mhux ħati ta’ dak li qed jiġi mixli bih fejn minn dak li ħareġ mill-Qori jirriżulta li huwa xeħet ma’ l-art kuntistabbli tal-Pulizija li spiċċa fuq il-ħaxix u ġie aggredit. L-Ispettur Sherona Buhagiar u anke l-Avukat George Camilleri li deher għal Delia infurmaw lill-Qorti li l-allegata vittma ma tridx tieħu passi kontra s-sieħeb tagħha.

Delia ġie mixli li nhar it-Tlieta bejn 12.00pm u t-3.00pm f’Santa Venera ħebb għas-sieħba tiegħu u kkaġunalha ferita ħafifa u li għamel ħsara fir-residenza tagħha, fosthom fis-serratura tal-bieb. Ġie mixli wkoll li għamel ħsara fuq il-mobile tal-allegarta vittma li ma tiskorrxi l-2,500 ewro.

Mill-provi ħareġ li l-mara ttieħdet l-isptar u wara l-Pulizija arrestat lil Delia li ġie mixli wkoll li ħebb għal tliet uffċjali tal-Pulizija u li weġġa lil wieħed minnhom. Hu ġie mixli wkoll li ma obdix l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li ma ħallihomx jaqdu dmirhom u li wettaq reat biex iħassar xogħol li sar minn żewġ uffiċjali oħra tal-Pulizija, waħda minnhom tas-sess femminili.

Ġie mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika u li naqas mill-jħares xi waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fi tliet okkażjonijiet minn ġudikanti differenti u anke ordni tal-Imħallef Aaron Bugeja, u li sar reċediv. Wara li nqraw l-akkużi ġie kkonfermat li l-vittma ma tridx tixhed kontra l-akkużat.

Saret talba għall pleġġ mid-difiża, li mill-ewwel ġiet interotta mill-Maġistrat Joe Mifsud li qal li tmiss Pulzija u kull uffiċjal pubbliku hija xi ħaġa mhux aċċettabbli. Hawn l-Avukat Camilleri qal li mhemm l-ebda biża Wayne Delia jaħrab minn Malta u li issa jidher li miexi fit-triq it-tajba, fejn dan kien inċident li vera seta’ jiġi evitat u li jidher li l-affarijiet mexjin fit-triq it-tajba.

Hu diġa varja l-ħinijiet li ngħata minn Qrati oħra fejn jidħol iffirmar fl-Għassa għax qed jagħmel xi xogħol għax sab persuna wkoll li kienet lesta tagħtih impieg. Tenna li hemm spunti pożittivi fl-akkużat fejn anke bl-għajnuna tas-sieħba tiegħu qed jgħin lil bintha li kienet għadejja minn xi problemi.

“Vera kabbar l-istorja u vera messu obda l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija”, qal l-Avukat tiegħu. L-Avukat Camilleri tenna li dak il-ħin il-klijent tiegħu ma kienx qed iħossu sew, għax għandu xi problemi ta’ natura mentali, u lest li jmur għal għajnuna u fil-fatt dan diġa qed jidher għax huwa “clean’.  Anke bħala indirizz sakemm jikkalmaw l-affarijiet, Delia jista’ jmur jgħix ma’ missieru kompla jgħid l-Avukat.

Il-Qorti wieġbet billi qalet li hawn ħafna organiżazzjonijiet fejn jista jingħata l-għajnuna. Qalet ukoll wara li semgħet il-partijiet li mhux l-ewwel darba li kiser il-kundizzjonijiet. Qalet ukoll li tħoss li kull tip ta’ vjolenza fuq uffiċjali tal-Pulizija hija kundanabbli u li l-istess Pulizija għandhom isibu l-protezzjoni tal-Qorti u mhux sewwa li jirritornaw id-dar imweġgħin jew redikolati fuq il-meżżi tal-media soċjali.

Dan għax hawn min jieħu pjaċir jara xi Pulizija ma’ l-art fuq il-ħaxix flok jgħidu li dak ikun qiegħed jipproteġi lill-membri tas-soċjeta u għandna nagħtuhom l-appoġġ dejjem u kullimkien. Il-vjolenza domestika hija kundanabbli dejjem u min ikun qiegħed f’relazzjoni għandu jagħmel minn kollox li meta jinqala’ argument ma nispiċċawx b’xi waħda mill-partijiet bil-feriti  u wara il-Pulzija jagħmlu dmirhom u jieħdu passi u mbgħad min ikun sofra l-ġrieħi jinforma jew mhux interessat fil-proċeduri jew mhux se jixhdu kontra l-agressur.

Dan għal din il-Qorti mhux aċċettabbli għaliex huwa ħela ta’ ħin għall-uffiċjali tal-Pulizija għal persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u l-Qorti      biex imbagħad ikun hemm min ikollu każijiet aktar urġenti li minħabba r-riżorsi umani li għalkemm żdiedu qatt mhux biżżejjed ma jingħatawx l-attenzjoni, minħabba li jkunu qed jagħmlu xogħol ieħor. Għaldaqstant il-Qorti qalet li kienet qed tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest

“Irrifletti l-ħabs  issa jarawk il-mediċi u hemm min se jgħinek. Wara d-Direttur Ġeneali tal-ħabs li jiddeċiedi fejn  se jistradak,” tenna l-Maġistrat Mifsud.