Is-sidien taż-żwiemel finalisti fl-edizzjoni tal-2023 tal-BOV Tazza l-Kbira saru jafu n-numri li se jiddeterminaw il-pożizzjoni tat-tluq taż-żiemel tagħhom fil-finali tal-aktar unur prestiġjuż fil-kalendarju lokali tat-tiġrijiet tat-trott.
Dettalji ingħataw mill-Kap tad-Dipartiment CSR fi ħdan il-Bank of Valletta, Charles Azzopardi, il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club Anthony Demanuele u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome Matthew Brincat.
Huma awguraw tiġrija mill-aqwa lill-parteċipanti kollha u għamlu enfażi li s-sigurtà trid tiġi l-ewwel u qabel kollox anke jekk xi drabi l-eċċitament tal-mument ikun diffiċli tikkontrollah.
Il-finali tal-BOV Tazza l-Kbira se ssir waqt il-laqgħa ta’ tiġrijiet tas-16 t’April fejn se jkun hemm ġurnata ta’ divertiment għall-familja kollha li apparti l-ispettaklu tat-tiġrijiet taż-żwiemel se tinkludi show tal-muturi Harley Davidson kif ukoll wirja ta’ karozzi klassiċi Mercedes Benz.
Il-kompetizzjoni tinġera fuq id-distanza ta’ 2640m u l-aqwa ħin medju li wieħed għandu jegħleb huwa dak irreġistrat is-sena l-oħra minn Charming Soldier – 1’13”5 li huwa wkoll ir-rekord nazzjonali fuq din id-distanza. Interessanti li Charming Soldier se jkun qiegħed fost il-finalisti sabiex jiddefendi t-titlu. Miegħu hemm ukoll tlett iżwiemel oħra li kienu fil-finali 2022 – Doudou de Bouere li kien spiċċa fit-tielet post kif ukoll Dunbar u Infinite Knight.
Qabel it-tiġrija ikun hemm il-parata taż-żwiemel finalisti li fiha se jkunu mgħottija b’għotjien tal-okkażżjoni li flimkien man-numri personalizzati jibqgħu ta’ tifkira għas-sidien. Din il-parata se titmexxa miż-żiemel rebbieħ fis-sena 2021 Antoine du Bourg.
//= $special ?>