Żagħżugħ ta’ 15-il sena ġie arrestat dalgħodu għall-ħabta tas-1:40am f’Bormla wara li dan allegatament seraq minn fuq numru ta’ dgħajjes, u pprova jsuq b’veloċità qawwija għal fuq il-Pulizija waqt li kien fil-pussess ta’ droga suspettata kokaina.
Ir-rapport lill-Pulizija dwar serqa minn fuq dgħajsa f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk daħlet ftit tal-ħin qabel il-Pulizija ġew wiċċ imb’wiċċ maż-żagħżugħ li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja valida hekk kif hu għadu taħt l-età legali għas-sewqan. Il-persuna li għamlet ir-rapport tat deskrizzjoni tal-vettura tal-allegat żagħżugħ.
Kif ix-xufier induna bil-preżenza tal-Pulizija, dan ipprova jaħrab u saq b’veloċità qawwija fid-direzzjoni tal-uffiċjali. Il- Pulizija kellhom jersqu minn nofs sabiex ma jintlaqtux.
Il-Pulizija segwew il-karozza f’diversi toroq sakemm irnexxielhom iwaqqfuha u jarrestaw lix-xufier, li ġie identifikat bħala żagħżugħ ta’ 15-il sena. Waqt it-tfittxija fil-vettura instabu numru ta’ oġġetti li allegatament kienu ġew misruqa minn fuq xi dgħajjes, kif ukoll żewġ pakketti b’sustanza suspettata kokaina.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>