Prestazzjoni b’saħħitha tal-atleti Maltin fil-Kampjonat Dinji tal-Masters li sar f’Torun, fil-Polonja. Aktar minn 4,000 atleta ħadu sehem f’din id-disa’ edizzjoni ta’ dan l-avveniment li qed ikompli jikber fl-istatura sena wara l-oħra hekk kif aktar atleti ta’ esperjenza jkomplu jirreġistraw riżultati b’saħħithom lil hinn mill-etajiet li tradizzjonalment jilħqu l-aqwa tagħhom fl-isport.
Għal Neil Brimmer din ċertament kienet okkażjoni li se jibqa’ jiftakar hekk kif waqqaf rekord nazzjonali indoor ġdid għall-kategorija Over 35 fi-800m b’ħin ta’ 2:02’07, fejn temm it-tellieqa quddiem atleti ta’ esperjenza minn Spanja, Portugall, Renju Unit, Norveġja u Repubblika Ċeka fost l-oħrajn.
David Bezzina tejjeb żewġ rekords li kienu f’idejh, fl-400m (58:12) u 800m (2:16’84) fil-kategorija over 40.
Fil-kategorija tat-tfigħ, suċċess għal, Antonella Chouhal li wara ftit tax-xhur ilu kellha kisbiet importanti fil-Kampjonati Ewropej Masters, ġabet midalja għal Malta fil-hammer throw. F’kompetizzjoni li saret f’kundizzjonijiet ta’ temp mhux faċli, hija temmet it-tielet. Hija ġiet fis-sitt post fil-weight throw.
Il-midalji tal-bronż għal pajjiżna għal ftit kienu tnejn meta Rachid Chouhal ukoll kien verament sfortunat meta b’qabża ta’ 6.30m temm fit-tielet post daqs atleta ieħor, iżda tilef post fuq il-podju meta ġew ikkunsidrati l-qabżiet l-oħra. Huwa rnexxilu jgħaddi wkoll mill-heat u s-semifinali tas-60m sprint, u kiseb finali prestiġjuża fejn temm fis-sitt post b’7.37s.
//= $special ?>