F’rikors li ġie preżentat fil-Qorti Kriminali ġiet attakkata l-liġi tal-iffriżar tal-assi b’mod totali jiġifieri dwar meta persuna titressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus, l-assi kollha tal-akkużat jiġi ffriżati, anke meta dawn ikunu ġejjin minn attività li ma tkunx ġejja min ħasil ta’ flus, jew ta’ xi attività frawdolenti.
Ir-rikors sar mill-Avukat Stefano Filletti li qed jidher għal numru ta’ persuni li jinkludu lil Florinda Sultana u Albert Buttigieg li sentejn ilu kienu tqiegħdu taħt att ta’ akkuża dwar frodi u ħasil tal-flus bil-pulizija li kienet investigat l-involviment tagħhom fit-tmexxija ta’ żewġ ristoranti, wieħed fil-Belt u ieħor f’Marsaxlokk b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u kuntrabandu taż-żejt. Sultana u Buttigieg bdew jiġu investigati lejn l-aħħar tal-2020.
L-Avukat Filletti qal lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li ma jagħmilx sens li flus provenjenti minn attività oħra li ma hemm l-ebda xamma ta’ reat fuqhom għandhom ikunu ffriżati wkoll. Tenna li flus li ġejjin minn wirt u anke flus li qalgħu akkużati, anke meta dawn kienu trabi, jispiċċaw iffriżati, għax bħal li kieku, dawn kienu jaħslu l-flus anke mat-twelid tagħhom.
Qal li assi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ għandhom jiġu rilaxxati fejn dan kollu qed jikkawża tbatija għall-akkużati li ħafna minnhom spiċċaw jieħdu l-kalmanti. Wieħed mill-akkużati saħansitra kien wasal biex jiżżewweġ u kellu jipposponi t-tieġ tiegħu, għax bl-assi kollha ffriżati ma jistax jagħmel pass.
L-Avukat tenna li wara li jingħalqu dawn il-każijiet, l-akkużati mistennija jippreżentaw kawża għad-danni għal leżjonijiet li sofrew, bniex imbgħad tali danni jitħallsu mit-taxxi tal-poplu. Hawn hu semma l-każ ukoll ta’ Edward Caruana fejn il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza mgħotija mill-Qorti tal-Maġistrati lura f’Awwissu tal-2022 li sabet lill-eks Uffiċjal tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada, mhux ħati għal akkużi ta’ tixħim u korruzzjoni.
Sostna li l-Qrati qegħdin jiċħdu tali talbiet meta l-Avukat Ġenerali mhux qed tkun konsistenti ma’ dan il-punt fejn f’nifs ngħidu li din tista’ tiġi varjata u f’nifs ieħor ngħidu li le.
Hemm dritt ta’ varjazzjoni jew le, staqsa Filletti lill-Avukat Ġenerali, anke l-Avukat tal-Istat qal li hemm rimedju, li dan sa issa jidher li tagħtu biss il-Qorti Kostituzzjonali, l-ogħla Qorti fil-pajjiż. Qorti oħra kienet qalet li l-piż tad-deċiżjoni taqa’ fuq ħoġor l-ewwel Qorti, li normalment tgħid li m’għandhiex fakolta tillimita l-iffriżar tal-assi.
Filletti qal ukoll li m’għandux dubju li l-klijenti tiegħu se joħorġu lliberati għaliex il-Prosekuzzjoni m’għandhiex każ b’saħħtu u meta tasal fl-istadju tal-kontro-eżami qed teħel, tant li wieħed mill-Ispetturi li qed imexxi l-każ, kull darba qed iħossu ħażin u jgħid li mhux qed ikun f’sikktu meta jiġi biex jiffaċċa d-domandi.
L-Avukat Antoine Agius Bonnici għall-Avukat Ġenerali qal minn naħa tiegħu, “jew se nimxu mal-liġi jew se nattakkawha jekk hijiex ġusta jew le. Hawn id-dibattitu huwa dwar jekk hix tajba jew le. Jekk hemm xi ħaġa ħażina, għandu jiġi attakkat il-leġiżlatur.
Hija biss il-Q Kostituzzjonali li tista’ tagħti rimedju fuq dan. Huwa minnu li l-wirt m’għandu x’jaqsam xejn, u tenna li hu mhux f’pożizzjoni li jidħol f’dan il-mertu, imma biss fuq dak li tgħid il-liġi. Dawn it-tip ta’ talbiet irid ikollhom qafas legali għalihom u l-leġislatur irid jiddeċiedi dwar dan.
L-avukati Stefano Filletti u Martina Cuschieri ippreżentaw ir-rikors għan-nom tal-akkużati filwaqt li Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Antoine Agius Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Qorti Kriminali mistennija tagħti digriet dwar it-talba tal-akkużati.
//= $special ?>

