Lokali

Eluf jipparteċipaw fil-mixja ta’ Puttinu

Kmieni l-Ġimgħa filgħodu, eluf ta’ nies waslu fuq il-Fosos tal-Floriana hekk kif baħar ta’ nies ingħaqdu ma’ Puttinu Cares għat-18-il edizzjoni tal-mixja ta’ Puttinu li saret bejn il-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira.

It-tluq ta’ din il-mixja kien f’nofsillejl mill-Pjazza tas-Santwarju fil-Mellieħa u għaddew mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Pjazza tal-Mosta, baqgħu sejrin ħdejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, il-Wied ta’ Birkirkara, il-Wied tal-Imsida bit-tkomplija max-Xatt ta’ Tal-Pietà, bit-tmiem ikun fi Pjazza San Publju, fuq il-Fosos tal-Floriana.

Id-distanza ta’ dan il-mixja kienet ta’ 17-il kilometru, u ħadet bejn erba’ u ħames sigħat.

Qabel it-tluq inġabret donazzjoni ta’ €10 biex tissokta l-missjoni ta’ Puttinu għal dawk l-aktar fil-bżonn.

Puttinu Cares bħalissa qed ittella’ maratona biex jinġabru flus biex ikomplu l-proġetti mfassla mill-istess entità non-governattiva.