Internazzjonali

Franza: Ir-ristorant ‘favorit ta’ Macron’ jispiċċa mira tad-dimostranti

Id-dimostranti f’Pariġi li qed jipprotestaw dwar ir-riformi fil-pensjonijiet attakkaw ristorant – jew bistro – li jingħad hu fost il-favoriti tal-President Franċiż Emmanuel Macron.

Intant, kompliet it-tensjoni fil-kapitali u fi bliet Franċiżi oħra, b’Macron – li fl-aħħar sigħat kien għaddej bi żjara fiċ-Ċina – qed isir dejjem aktar mira għall-għadab tal-poplu.

L-aħħar protesti f’Pariġi komplew sa tard fil-lejl tal-Ħamis u fejn il-pulizija kellha tifforma barrikata umana madwar ir-ristorant bl-isem la Rotonde, wara li dan ingħata n-nar mid-dimostranti.

Dan meta dalwaqt jagħlqu ġimgħatejn il-protesti kontra l-leġislazzjoni li żżid l-età għall-irtirar fi Franza minn 62 għal 64 sena.

Fl-istess ħin, il-poplu qed jistenna deċiżjoni dwar il-validità tal-leġislazzjoni ladarba l-Kunsill Kostituzzjonali ta’ Pariġi, fl-14 ta’ April, jgħaddi verdett dwar ir-riformi. Din il-Qorti għandha l-poter biex tinvalida partijiet tal-leġislazzjoni jew twarrabha għal kollox – bil-kapijiet tat-trade unions Franċiżi qed jaħsbu biex ikomplu bid-dimostrazzjonijiet sal-jum proprju tal-konferma mill-Kunsill.