L-Istati Uniti u t-Tajwan jinsabu attentati għal kwalunkwe żvilupp wara li ċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, organizzat sensiela ta’ eżerċizzji militari bil-ħsieb li tagħti ‘twissija’ lil Washington u Tajpej.
L-eżerċizzji saru bi tweġiba għal-laqgħa ta’ din il-ġimgħa (f’Kalifornja) bejn il-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen u l-Ispeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti Kevin McCarthy.
Meta kienet fl-Istati Uniti, il-President Tsai attendiet avveniment fi New York fejn ingħatat unur għall-mod kif hi qed tmexxi lit-Tajwan. Min-naħa tagħha, Tsai faħħret ‘is-sħubija unika bejn it-Tajwan u l-Istati Uniti’, b’Kevin McCarthy jirrepeti ‘il-ħtieġa li jkompli l-bejgħ tal-armi lit-Tajwaniżi’ li qed jiffaċċjaw ta’ spiss it-theddid miċ-Ċina.
Intant, il-Gvern komunista f’Beijing wieġeb għal din il-laqgħa bl-eżerċizzji li fihom numru ta’ bastimenti tal-gwerra wettqu l-manuvri fl-ibħra madwar it-Tajwan.
Iż-żjara ta’ Tsai fl-Istati Uniti ma saritx b’kumbinazzjoni meta f’dan il-pajjiż qed jiżdied is-sens ta’ ostilità lejn iċ-Ċina, fost id-dimostrazzjonijiet regolari ta’ appoġġ lit-Tajwan min-naħa tad-Demokratiċi fil-Gvern kif ukoll mill-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.
It-Tajwan hi gżira-Stat awtonoma li ċ-Ċina tirreferi għaliha bħala t-territorju tagħha ‘bi dritt’. Dan waqt li Beijing jirriserva d-dritt li jieħu lura lit-Tajwan bil-mezzi militari bħala ‘provinċja ribelluża taċ-Ċina’. U fost is-sinjali li l- invażjoni tat-Tajwan tista’ tkun aktar qrib milli jaħsbu, Kevin McCarthy, politiku Repubblikan, qed jgħid, fir-rwol ta’ House Speaker, li l-Istati Uniti għandha d-dmir li tesprimi bil-miftuħ l-appoġġ tagħha lit-Tajwan.
Min-naħa tagħha, il-President Tsai trid tkompli turi lil Beijing li mhux se jirnexxilu jwaqqaf il-kuntatti regolari bejn il-Gvern-elett f’Tajpej u l-Istati Uniti, li, bla dubju, hi l-aktar alleat b’saħħtu tat-Tajwan.
//= $special ?>