Il-militar ta’ Iżrael wieġeb għal sparatura ta’ missili lejn artu b’sensiela ta’ attakki mill-ajru li konċentraw fuq l-interessi tal-grupp Hamas tal-militanti Palestinjani fin-nofsinar tal-Libanu u l-Medda ta’ Gaza.
Matul il-lejl tal-Ħamis kienu sparati madwar 40 rokit mil-Libanu lejn iz-zoni fin-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, bil-kmandanti militari Iżraeljani jakkużaw lill-Hamas dwar ‘l-atroċità’ li ma tidhirx li ħalliet vittmi. Il-baraxx tal-missili, intant, kien l-akbar wieħed mill-inħawi ta’ Libanu lejn Iżrael f’dawn l-aħħar 17-il sena.
Intant, il-militanti f’Gaza fetħu baraxx ġdid ta’ missili fuq Iżrael anki waqt li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani kienu qed jattakkaw is-siti tal-Hamas.
Il-vjolenza qed tidher li rriżultat mit-tensjoni tal-aħħar jiem wara li l-pulizija Iżraeljani wettqu diversi rejds fil-moskea ta’ al-Aqsa f’Ġerusalemm u fejn seħħ ukoll ġlied qalil bejn dawn il-qawwiet tal-liġi u l-Palestinjani fil-moskea li hi t-tielet l-akbar kumpless reliġjuż fil-Lvant Nofsani.
U waqt li l-Hamas ma stqarrx uffiċjalment li kien spara l-missili mil-Libanu, il-Kap tal-militanti, Ismail Haniyeh, sostna li l-Palestinjani mhumiex se jibqgħu b’idejhom marbuta fuq żaqqhom quddiem l-aggressjoni ta’ Iżrael.
Waqt li kienu għaddejjin l-attakki tal-Iżraeljani fuq il-Libanu nstemgħu l-isplużjonijiet madwar il-kamp ta’ Rashidieh għar-refuġjati Palestinjani, bl-ajruplani jolqtu wkoll liz-zoni indikati bħala bażijiet tal-militanti fil-villaġġ ta’ al-Qulaila.
Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani, wara, bagħtu stqarrija li l-ajruplani kienu laqtu ‘lill-infrastruttura tat-terroristi membri tal-grupp Hamas’. It-Tmexxija f’Iżrael, fl-istess ħin, wissiet li mhix se tippermetti li l-Hamas juża l-Libanu għall-attakki fuq l-ibliet Iżraeljani u meta qed iżżomm lil-Libaniżi responsabbli għal kull sparatura ta’ missili (lejn Iżrael) mill-artijiet tiegħu.
Sar magħruf, wara, li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani laqtu aktar minn għaxar miri tal-Hamas f’Gaza, fosthom xi workshops għall-produzzjoni tal-armi u mina li, allegatament, kienet qed tintuża mill-militanti biex jinfiltraw l-artijiet Iżraeljani.
//= $special ?>