Internazzjonali Knisja

Il-Papa Franġisku jiċċelebra Ħamis ix-Xirka f’ħabs taż-żgħażagħ

“Kulħadd jista’ jitlef triqtu matul ħajtu iżda f’din il-Ġimgħa l-Mqaddsa għandna niftakru li rridu ngħinu lil xulxin sabiex il-ħajja tmur għall-aħjar.”

Dan sostnieh il-Papa Franġisku waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka hekk kif il-Kap tal-Knisja Kattolika mar propju fil-faċilità korrettiva f’Casal del Marmo li huwa ħabs f’Ruma ddedikat għaż-żgħażagħ.

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni l-Papa Franġisku ħasel is-saqajn ta’ 12-il resident f’din il-faċilita filwaqt li assigurahom li kulħadd xi darba jew oħra jiżbalja f’ħajtu.

Ir-residenti li pparteċipaw fil-ħasil tas-saqajn kienu 10 irġiel u 2 nisa – li rrapreżentaw lit-tnax-il Appostlu fl-aħħar ċena.

Waqt il-quddiesa l-Papa qal li Ġesù jaħsel saqajn kulħadd għaliex jaf in-nuqqasijiet ta’ kulħadd iżda l-għan ta’ din iċ-ċerimonja huwa sabiex ngħinu lil xulxin inkunu nies aħjar.

Interessanti l-fatt li l-ewwel darba li ħasel is-saqajn bħala Papa f’Ħamis ix-Xirka kien propju f’dan il-ħabs hekk kif il-Papa Franġisku jemmen li l-Knisja Kattolika għandha tagħti l-attenzjoni lil dawk li jiżbaljaw f’ħajjithom.

Il-quddiesa li saret fil-kappella ta’ dan il-ħabs damet madwar siegħa u nofs fejn skont il-media Taljana l-Papa Franġisku kien jidher li jinsab f’saħħa tajba. Dan wara li madwar Ġimgħa ilu l-Papa kien ħareġ mill-isptar hekk kif kien qed jieħu trattament għall-bronkite.

Intant wara l-ħasil tas-saqajn il-Papa baqa’ jitkellem mal-ħabsin żgħażagħ u ħadilhom b’idejhom, filwaqt li r-residenti għaddewlu xi messaġġ privat.