Il-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha illum tfakkar il-Ġimgħa l-Kbira – il-jum li jissimbolizza l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-Ġimgħa l-Kbira tibqa’ ġurnata ta’ riflessjoni għall-fidili Insara – ġurnata li matulha titfakkar il-kruċifissjoni ta’ Ġesù Kristu fuq il-Kalvarju, li ssagrifika ruħu biex isalva l-umanità mid-dnub.
Id-devozzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi matul dan iż-żmien tas-sena tibqa’ waħda kbira, u laħqet il-qofol tagħha fil-jumejn ta’ Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira – meta jsiru dawk li jissejħu s-seba’ visti.
Tradizzjoni li issa daħlet sew fil-qalb ta’ ħafna Kattoliċi li għal ftit mumenti, jinġabru flimkien u jieqfu ftit mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum u jqattgħu ħin ta’ riflessjoni u talb.
Il-ġabra tal-poplu tidher waqt it-talb quddiem is-sepulkru, fejn huma bosta dawk li jagħżlu li jduru s-seba’ visti f’seba’ knejjes differenti.
Is-seba’ visti fihom sinifikat partikolari, hekk kif dawn jissimbolizzaw is-seba’ stazzjonijiet li Kristu għadda minnhom – mill-aħħar ċena sat-tisliba fuq l-għuda tas-salib.
Mill-Ħamis filgħaxija, il-knejjes jiżżarmaw għas-sempliċita’ għajr għal artal tar-ripożizzjoni, li jiżżejjen bi fjuri u xemgħat biex jilqa’ s-Sagrament. F’uħud mill-knejjes jispikka d-damask iswed.
Minn Ħamis ix-Xirka filgħaxija jispikka n-nuqqas tal-ħoss tal-qniepen filwaqt li jinstema’ l-ħoss taċ-ċuqlajta li tfakkar fin-niket li għadda minnu Ġesù matul il-passjoni.
Mat-tokki tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, fil-KonKatidral il-Belt Valletta, bdiet il-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib li tmexxiet mill-Arcisqof Charles J Scicluna fil-Konkatidral.
F’messaġġ qasir, huwa tkellem dwar kif il-passjoni li għaddha minnha Ġesù Kristu għadha tkun tiflessa fil-ħajja tagħna llum il-ġurnata.
Charles Scicluna qal li huwa biss fil-Mulej li wieħed isib il-faraġ, is-saħħa, il-mediċina u l-fejqan, fejn it-tbatija tiegħu tpatti għad-dnubiet ta’ kulħadd.
Saħaq li huwa normali li bħala komunità li nemmnu, ngħotru fil-mixja tagħna wara Ġesu, iżda lllum fil-Ġimgħa l-Kbira nitolbuh biex bħalu nkunu preżenza ta’ dawl.
Il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tinqasam fi tliet partijiet… il-liturġija tal-kelma, it-talbiet tal-komunità u l-adorazzjoni u l-bews tas-salib.
Intant, wara waqfa ta’ tliet snin, sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid u sena minħabba l-maltemp, din is-sena t-toroq Maltin u Għawdex reġgħu laqgħu l-purċissjonijiet tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira. Għalkemm dik tal-Bażilika ta’ San Ġorġ f’Għawdex ħarġet il-Ħamis filgħaxija.
U din is-sena kienet waħda speċjali ferm għall-Qriema hekk kif għall-ewwel darba f’pajjiżna, fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ…żdiedet vara unika li tirrrappreżenta l-kundanna tas-Sinedriju. B’hekk din issa saret l-akbar purċissjoni f’pajjiżna li tikkonsisti fi tlettax-il vara.
Din il-vara unika, xogħol fil-kartapesta tal-artist Aaron Camilleri Cauchi, tinkludi wkoll xogħol tal-mastrudaxxa Guzi Xuereb li ħadem is-sedja u t-taraġ fl-injam fejn jidher il-Qassis il-Kbir. Dan filwaqt li l-matrudaxxi George u Silvio Debono ħadmu fuq il-bradella u l-bankun, fuq disinn tal-artist Silvio Pace.
Skont l-istorici, l-eqdem purcissjoni f’pajjiżna hi dik organizzata mill-Frangiskani Minuri tar-Rabat. U aktarx li din bdiet lejn l-ahhar tas-seklu Sittax. Dawn il-patrijiet bdew ukoll il-purcissjoni fil-Belt Valletta…u ftit wara, bdiet issir dik ta’ Ħal Qormi.
Kull sena….mad-dħul ta’ dawn il-purċissjonijiet, jibdew mal-ewwel il-preparamenti għall-festa tal-Għid – bil-Vġili li se jiġi ċċelebrat għada filgħaxija, u l-preparamenti għall-Irxoxt li jsir il-Ħadd filgħodu.
//= $special ?>