Ilbieraħ ġiet iċċelebrata Ħamis ix-Xirka fejn ingħata bidu għat-tridu tal-Għid; it-tlett ijiem li jħejju lill-Kattoliċi għall-aktar festa importanti tal-Insara – il-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu mill-mewt.
Ħamis ix-Xirka hu l-jum li jfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju – jum li beda permezz ta’ quddiesa magħrufa bħala taż-Żjut fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.
Fl-istess funzjoni, tbierku ż-żjut tal-morda u tal-katekumeni, u ġie kkonsagrat iż-żejt tal-Griżma li jibqa’ jintuża fis-sagramenti matul is-sena.
Filgħaxija, imbagħad, saret il-quddiesa li tfakkar l-aħħar ikla tal-Mulej mal-Appostli, li fiha, kif jirrakkontaw il-Vanġeli, twaqqfet l-Ewkaristija.
Intant, aktar tard filgħaxija saru s-7 Viżti tradizzjonali quddiem l-artal tar-repożizzjoni hekk kif il-Knisja osservat mumenti ta’ talb u ġabra, li jwasslu sal-ħin tal-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Filgħaxija jispikkaw aktar mill-jiem ta’ qabel għadd ta’ wirjiet. Fis-Siġġiewi lbieraħ saret mill-ġdid il-Mixegħla fi Pjazza San Nikola, b’bosta jiddeskrivu din il-wirja bin-nar bħala waħda “spettakolari” kif jixhed ir-ritratt meħud mill-ajru ta’ Alexander Ellul bix-xena kollha f’ritratt wieħed. Xena li spikkat u ġabret eluf madwarha.
Din il-mixegħla ttellgħet minn grupp ta’ voluntiera tal-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru u l-Każin Banda San Nikola b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
//= $special ?>