Lokali

Żagħżugħ Kolombjan jitlef ħajtu wara li waqa’ minn binja f’Portomaso

Żagħżugħ Kolombjan ta’ 24 sena tilef ħajtu wara li waqa’ minn binja fi Vjal Portomaso f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ il-Ġimgħa filgħodu għas-6:15 hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza biswit marina, fi Vjal Portomaso.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ħaddiem li kien f’binja fil-qrib lemaħ persuna tixxabat ma’ xi binjiet fil-viċin u wara taqbeż fil-ħaxix. Ftit tal-ħin wara uffiċjal tas-sigurtà li mar jiċċekja ż-żona sema’ persuna qed tokrob bl-uġigħ u minnufih ċempel għall-assistenza.

Tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili taw l-assistenza fuq il-post fejn ir-raġel, li ġie identifikat bħala Kolombjan ta’ 24 sena u residenti San Pawl il-Baħar, ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Ftit tal-ħin wara ġie ċċertifikat bi ġrieħi serji.

Aktar tard mal-ġurnata il-Pulizija ġiet infurmata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.