“L-abbożż ta’ liġi dwar il-perjodu tal-arrest li jiżdied minn 48 siegħa għal 132 siegħa – jigifieri b’ħames t’ijiem u nofs – għandha titħalla fuq l-ixkaffa.”
Dan intqal mill-editorjal tal-Malta Independent hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu, fil-Parlament ġie diskuss abbozz ta’ liġi b’rabta mal-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia li kien jinkludi emenda kostituzzjonali sabiex f’każi ta’ reati serji ħafna bħal fil-kaz ta’ omicidju, korruzzjoni, traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u terroriżmu, l-arrest jiżded minn 48 siegħa għal 132 siegħa – jigifieri b’ħames t’ijiem u nofs.
L-editorjal tal-Malta Independent saħaq li diversi esperti legali jinsabu mħassba dwar din il-liġi għaliex se tkun qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem .. u għalhekk hu importanti li dawn l-emendi ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem.
Minn naħa tagħhom, il-kamra tal-avukati stqarrew li l-perjodu tal-arrest li preżentament huwa ta’ 48 siegħa huwa fundamentali .. u għandu jiġi kkunsidrat li jinbidel biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello ikkumenta wkoll dwar dan l-abbozz, fejn saħaq li din il-liġi tqajjem tħassib serju u tmur kontra l-perjodu massimu ta’ detenzjoni li huwa stabbilit mill-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.
L-eks dekan tal-fakultà tal-liġi Kevin Aquilina kkundana bl-aħrax din il-liġi li qiegħed jimbotta Robert Abela fil-Parlament, filwaqt li tenna li l-pulizija għandu jkollha iktar għodda biex tinvestiga iżda mhux b’detriment għad-drittijiet fundamentali għaliex dan jherri s-sistema legali tal-pajjiż.
L-editorjal tal-Malta Independent fakkar li minn naħa tagħha, l-Oppozizzjoni qalet mal-ewwel li din il-liġi hija abbużiva, u tenniet kemm il-darba li lesta ssib kompromess – iżda dan mhux b’detriment għad-drittijiet tal-bniedem. Għaldaqstant, l-editur tenna li Robert Abela għandu jisma mill-esperti fil-qasam legali u ma jibqax għaddej b’din l-liġi; għaliex se jkollha riperkussjonijiet devastanti.
//= $special ?>