Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tikkundanna l-att ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-Avukat Jason Azzopardi

Kull avukat għandu jitħalla jaqdi d-dmirijiet professjonali tiegħu fil-liberta…mingħajr theddid jew intimidazzjoni. Jekk dan il-banner ma jitneħħix se jkun qed jiġi kkunsidrat li jittieħdu l-passi meħtieġa.

Din kienet ir-reazzjoni tal-Kamra tal-Avukati jum wara li l-kumpanija ta’ Christian Borg ‘No Deposit Cars’, weħħlet banner mal-faċċata tax-showroom tal-karozzi b’wiċċ l-avukat Jason Azzopardi – jissimbolizza sacerdot…bil-kliem, Happy Easter.

Il-Kamra tal-Avukati ikundannat bla riserva dan l-att ta’ intimidazzjoni fil-konfront tal-Avukat Jason Azzopardi u qalet li sabiex tkun żgurata s-saltna tad-dritt huwa essenzjali li kull avukat jitħalla jaqdi d-dmirijiet u rwoli tiegħu professjonali fil-libertà u mingħajr xkiel, intimidazzjoni jew theddid.

Il-Kamra tal-Avukati tenniet illi huwa d-dover tal-avukat li jassisti bl-aħjar mod possibbli lill-klijenti tiegħu mingħajr m’għandu jkun soġġetat għal attakki fuq il-persuna tiegħu.

Dan wara li diversi persuni li kienu klijenti ta’ din il-kumpanija avviċinaw lil Jason Azzopardi sabiex jirrappreżentahom f’kawża fil-konfront tal-kumpanija ta’ Borg.

Filwaqt li tenniet li fi proċess avversarju .. huwa ovvju li l-kontroparti f’dak il-proċess ser ikollha xi tgħid u ma taqbilx ma dak illi l-avukat ser ikollu xi jgħid biex jagħmel il-każ tal-klijent tiegħu.

Għaldaqstant, il-Kamra saħqet li hija kwistjoni ta’ maturità, illi dan ma jwassalx għal xi intimidazzjoni jew li jiġi ridikolat pubblikament talli l-avukat qiegħed jagħmel xogħolu.

Fl-istqarrija ppubblikata mill-Kamra tal-Avukati, hija appellat illi dan il-poster jitnehha b’mod immedjat, u tikkunsidra li tieħu l-passi neċċessarji jekk dan ma jseħħx.