“Jidher li l-Prim Ministru Robert Abela qed jirnexxilu jinnewtralizza l-Kummissarju għall-Istandards u jibdlu fi strument għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-impunità għalih u għal sħabu.”
Dan qaluh l-għaqda Repubblika fi stqarrija li ġiet ippubblikata s-Sibt filgħodu, hekk kif il-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi “għal darb’oħra ddeċieda li ma jinvestigax ilment dwar ksur tal-Kodiċi ta’ Etika minn Ministru.”
Repubblika sażqu li r-rapport huwa dwar ilment li huma għamlu meta l-Ministru Aaron Farrugia baqa’ barra l-Kamra tal-Parlament u evita li jwieġeb mistoqsijiet dakinhar li ħareġ fil-pubbliku filmat li wera żewġ uffiċċjali li jaħdmu f’Transport Malta, li taqa’ taħtu, isawwtu raġel f’nofs ta’ triq.
“Avolja qalilna li ma investigax, Il-Kummissarju Azzopardi sab li: il-Kodiċi tal-Etika tagħhom jobbliga lill-Ministri jattendu l-Parlament ħlief meta jkunu msefrin fuq xogħol jew morda; l-Ordinijiet Permanenti jiskużaw Ministri li jfallu minħabba laqgħat oħra biss meta l-Ispeaker ikun avżat minn qabel permezz tal-Whip; u Aaron Farrugia ma kienx imsiefer, ma kienx marid, u ma avżax lill-Whip biex javża lill-Ispeaker li kien se jfalli l-Parlament minħabba x-xogħol. Minflok waqt li deher fil-bini tal-Parlament ftit minuti qabel is-seduta, baqa’ barra l-kamra meta, bl-ammissjoni tiegħu stess, kien jaf li kien imiss lilu jwieġeb l-ewwel il-mistoqsijiet Parlamentari.”
Repubblika saħqu li minkejja li Aaron Farrugia b’mod lampanti – fatt ikkonfermat direttament mill-Kummissarju Azzopardi – kiser il-Kodiċi tal-Etika u l-Ordinijiet Permanenti, il-Kummissarju Azzopardi ddeċieda li “ma jinvestigax dan il-każ”.
“Imbagħad, avolja qalilna li ddeċieda li ma jinvestigax, il-Kummssarju Azzopardi qalilna li “nattribwixxi dan il-każ għall-ippjanar ħażin minn-naħa tal-Ministru Aaron Farrugia” (para 31). Daqs li kieku wieħed huwa skużat li jġib ruħu b’mod ħażin jekk ma jippjanax,” Saħqet Repubblika.
Repubblika sostnew li bħala fatt il-Kummissarju Azzopardi investiga l-każ, iddokumenta li ġara, ikkonferma l-ksur tal-Kodiċi tal-Etika, u bl-oppost ta’ dak li kien obbligat li jagħmel meta jsib Ministru jikser il-Kodiċi t’Etika, għalaq il-każ u difen ir-rapport ta’ x’ġara.
“Hu ċar mill-kontentut tar-rapport tal-Kummissarju Joseph Azzopardi li Aaron Farrugia ġie jitmejjel mill-obbligi tiegħu, ġie jitmejjel mill-mistoqsijiet leġittimi tal-Parlament, u ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet leġittimi fuq abbuż vjolenti ta’ poter minn uffiċjali fir-responsabbiltà tiegħu.”
Repubblika tfakkar li l-imġieba xierqa minn-naħa tal-Ministri u l-Membri Parlamentari hija obbligu tagħħom u dritt taċ-ċittadini.
//= $special ?>