Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-atti ta’ intimidazzjoni li twettqu fil-jiem li għaddew fil-konfront ta’ professjonisti li qed jassistu vittmi ta’ abbużi mwettqa minn persuni qrib ħafna ta’ Robert Abela.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-PN fejn tkompli tgħid li fl-aktar każ riċenti minn sensiela ta’ dawn il-każi, il-kumpanija ta’ Christian Borg, is-sieħeb fin-negozju ma’ Robert Abela, qegħda bl-aktar mod irresponsabbli tattakka lill-Avukat Jason Azzopardi minħabba li hu l-Konsulent Legali ta’ numru ta’ persuni li qed isostnu li sfaw migduma mill-istess kumpanija.
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-imġieba tal-kumpanija ta’ Christian Borg mhix aċċettabbli f’soċjetà demokratika u tkompli tikkonferma li f’pajjiżna għadha teżisti kultura ta’ impunità li qed igawdu minnha klikka ta’ nies viċin Robert Abela u Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lin-negozji f’pajjiżna biex jibqgħu jaġixxu b’mod responsabbli u f’rispett sħiħ tad-drittjiet tal-konsumaturi, ewlieni fosthom id-dritt li jieħdu l-azzjonijiet kollha legali li jidhrilhom meħtieġa biex jipproteġu l-interessi tagħhom bħala konsumaturi u li jagħżlu lill-Avukat tal-fiduċja tagħhom biex jassistihom fil-ħarsien tad-drittijiet tagħhom quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna.
//= $special ?>