Knisja Lokali

Illejla ċċelebrat Sibt il-Għid

Illejla l-Knisja tfakkar Sibt il-Għid bil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.

Fil-knejjes ta’ Malta u Għawdex illejla isiru il-funzjonijiet b’liturġija unika …li tinkludi ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara l-Liturġija tal-Kelma.

Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili fiha erba’ taqsimiet li huma t-Tberik tan-Nar, il-mixegħla tal-blandun u tħabbira tal-Għid; il-Liturġija tal-Kelma; il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija tal-Ewkaristija.

Il-Vġili Solenni flimkien maċ-ċelebrazzjoni tal-Ħamis filgħaxija u dik tal-Ġimgħa l-Kbira huma l-qofol tas-sena liturġika għaliex fihom l-Knisja tgħix mill-ġdid il-ġrajja tas-salvazzjoni li għadha ssehh sal-llum.

Fil-Konkatidral ta’ San Ġwann l-Arċisqof Charles Scicluna se jkun qiegħed imexxi  ċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid.  Il-liturġija tibda fuq iz-zuntier bit-tberik tan-nar u l-mixegħla tal-blandun li hu simbolu ta’ Kristu nnifsu. Wara, il-funzjoni tkompli fil-Knisja permezz tal-blandun illi minnu jixgħelu d-dawl tax-xemghat f’idejn in-nies prezenti.

Wara li jkun thabbar l-Għid, isir il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa li jwasslu għall-mument tat-tħabbira tal-Evanġelu li jirrakkonta l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’.

Wara l-omelija, issir il-liturġija tal-Magħmudija fejn biż-żewġ elementi naturali, in-nar u l-ilma, jinholoq l-ilma tal-magħmudija li skont it-twemmin Nisrani jagħti l-ħajja ta’ Alla lil min jitgħammed bih.

Din iċ-ċelebrazzjoni twassal għall-Ħadd il-Għid li hi l-ikbar festa tal-Knisja li tfakkar il-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u it-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-ħajja ta’ dejjem.

F’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Ghawdex isiru purċissjonijiet bl-istatwa ta’ Kristu Irxoxt li whud minnhom isiru filgħodu u oħrajn isiru filgħaxija. Dan apparti li f’diversi lokalitajiet isir it-tberik tal-figolli u l-ġirja tradizzjonali bil-vara tal-Irxoxt.