Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-ikbar festa tal-Knisja Kattolika jibdew illejla bil-Vġili Solenni tal-qawmien tal-Mulej mill-Mewt. Dan wara li lbieraħ f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex tfakkret b’solennità kbira l-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira.
F’ħafna knejjes, illejla issir ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara li tkun saret iċ-ċerimonja tad-dawl; bil-mixgħela li tfakkar fil-qawmien mill-mewt – mixgħela li tkun akkumpanjata bid-daqq tal-qniepen mal-kant tal-Allelulja.
Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili twassal għall-Għid il-Kbir, li hi l-akbar festa tal-Knisja bit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u t-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.
